Imħassba dwar ir-rappreżentanza ta’ min ma jidentifikax ma’ xi ġeneru

Read in English.

Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) u l-Alternattiva Demokratika (AD) qajmu tħassib dwar ir-rappreżentanza fil-parlament minn persuni li ma jidentifikawx ruħhom bħala irġiel jew nisa.

Il-GRTU u l-AD bagħtu stqarrijiet dwar is-sottomissjonijiet tagħhom fil-konsultazzjoni pubblika li saret dwar ir-riforma fil-bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament.

Il-GRTU qalet li hemm bżonn sforz serju biex jingħelbu l-ostakli li qed iżommu lil individwi validi milli jipparteċipaw fil-politika biex isiru membri parlamentari. Skont il-GRTU, huwa diffiċli li wieħed ikun MP bil-kundizzjonijiet tal-lum.

Skont il-GRTU, il-kundizzjonijiet tal-MPs illum jisfurzawhom jiddedikaw ħajjithom għall-politika u jwarrbu l-aspirazzjonijiet tagħhom għal karriera full-time u għal familja. Qalet li din hija l-isfida l-vera li qed iżżomm lin-nies milli jsiru MPs. Żiedet tgħid li mhuwiex uman li wieħed jitlob MP biex jibqa’ x-xogħol peress li l-paga tiegħu fil-Parlament mhix biżżejjed.Il-GRTU qalet ukoll li l-paga tal-MPs għandha tirrefletti r-responsabilitajiet tagħhom. Qalet li dawn għandhom bżonn segretarjat u riċerkaturi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU Abigail Mamo qalet li mara jkollha tgħażel ħajja fejn qed tqatta’ l-maġġoranza tal-ħin ‘il bogħod mill-familja. Qalet li l-mekkaniżmu f’dan ir-rigward se jsolvi biss l-istatistiċi.

Il-GRTU qalet li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, l-elettorat ivvota għan-nisa bi proporzjon simili bħal dak tal-irġiel.

Il-GRTU qalet li issa li Malta waslet għall-istat fejn wieħed jista’ jagħżel li ma jkunx assoċjat ma xi ġeneru jew ieħor, mekkaniżmu dwar il-ġeneri jfisser li Malta timxi numru ta’ passi lura u mhux il-quddiem.

It-top-ups qegħdin hemm għall-PL u għall-PN – AD

Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li hi wkoll issottomiet il-proposti tagħha.

Skont l-AD, it-top-ups proposti huma intiżi biex jaġevolaw lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista. Qalet li rappreżentanza xierqa tinkiseb b’sistema elettorali aktar rappreżentattiva tad-diversi opinjonijiet.

Fi kliem l-AD, ir-riformi elettorali li saru tul is-snin servew biex inħolqot sitwazzjoni b’żewġ partiti politiċi li jalternaw bejniethom fit-tmexxija bl-esklużjoni tal-bqija.

“Dan minnu nnifsu huwa s-sors tal-gwaj kollu li fih jinsab pajjiżna llum, għax ixettel u jsaħħaħ politika ta’ konfrontazzjoni bejn żewġ naħat flok politika ta’ djalogu.”

L-AD tixtieq li kull partit politiku li jikseb 2.5% jew aktar tal-voti validi fl-ewwel għadd tal-voti tal-elezzjoni ġenerali jkun assigurat minn rappreżentanza parlamentari li tikkorrispondi mal-voti miksuba. Skont il-Kummissjoni Elettorali, fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, l-AD kisbet 0.83% tal-voti (2,564 voti).

L-AD qalet ukoll li l-bilanċ meħtieġ mhux biss dak bejn l-irġiel u n-nisa imma wkoll għandhom jiġu inklużi dawk li jidentifikaw ruħhom la mal-irġeil u l-anqas man-nisa.
L-AD qalet li s-sistema elettorali għandha tkun ibbażata fuq lista elettorali ppreżentata mill-partiti politiċi li tkun waħda bilanċjata bejn il-ġeneri u ma dawk li ma jidentifikawx ma’ xi ġeneru. Din il-lista tkun trid tiġi aċċettata mill-Kummissjoni Elettorali li trid tara jekk hemmx bilanċ.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi ħabbar li l-konsultazzjoni pubblika għalqet illum. Intqal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Kumitat Tekniku se jevalwa l-kontenut u l-proposti tal-pubbliku. Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li r-rispons li kien hemm mill-konsultazzjoni pubblika hu “inkoraġġanti”.