Imħassba dwar il-bejgħ fit-toroq mingħajr permess

Il-GRTU u l-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Restoranti huma mħassba dwar il-bejjiegħa fit-toroq mingħajr permess.
Fi stqarrija huma appellaw biex tittiħed azzjoni kontra l-bejjiegħa illegali.
Qalu li din is-sitwazzjoni waslet biex fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta saret qisha monti, b’għadd ta’ nies jintefgħu mal-art u jbigħu mingħajr ebda standards ta’ sanità u sigurtà.
Żiedu jgħidu li dawn in-nies qed jintefgħu biswit ħwienet stabbiliti li jħallsu l-miżati u jimxu mar-regoli tal-operat.
Spjegaw li l-Kunsilli Lokali ma jistgħux jagħtu permessi għal dan it-tip ta’ bejgħ għajr għal gabbani li jarmaw fil-ġimgħa tal-festa.
Appellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni kontra l-bejjiegħa li qed jbigħu b’mod abbużiv.