Imħanxra, mgħarrqa u fgati – Il-25 Maltija vittmi ta’ vjolenza domestika

nisa maqtula Malta vjolenza domestika

Żewġ nisa fuq Facebook bdew lista estensiva ta’ każijiet ta’ nisa li nqatlu vittmi ta’ vjolenza domestika u femiċidju f’pajjiżna mill-1981. Huma jsemma 24 każ, madanakollu mhux eskluż li hemm aktar każijiet ta’ nisa li sfaw vittmi.

Min huma dawn in-nisa?

  1. Rose Casaletto li fl-1981 kienet ġiet mgħarrqa f’darha f’Ħaż-Żabbar mir-raġel tagħha. Bint Rose kienet dik li sabet lill-ommha mgħarrqa fil-banju.
  2. Diane Gerada li fl-1993 inqatlet wara li sfat vittma ta’ daqqiet ta’ sikkina mir-raġel tagħha f’darha f’Marsaxlokk. Grazio Gerada kien ingħata sentenza ħabs ta’ erba’ snin għax il-Qorti kienet sabet li aġixxa għax kien provokat.
  3. Sylvia King li fl-1993 inħarqet ħajja fil-karozza tagħha fil-limiti tar-Rabat. Hi nqatlet għax kienet qed tgħin mara vittma ta’ vjolenza domestika. Joseph Harrington kien qatel lil King flimkien ma’ raġel ieħor wara li ħatfuha. Harrington miet fl-isptar fl-2014.
  4. Jane Vella li fl-1999 kienet ġiet imbuttata għal isfel minn fuq għolja fil-Munxar Għawdex.
  5. Vanessa Grech li flimkien ma’ bintha ta’ 17-il xahar inqatlu b’daqqiet ta’ sikkina u ntremew f’bir mir-raġel tagħha f’Birzebbugia fl-2001. Alfred Azzopardi miż-Żejtun kien weħel sentenza ta’ għomor il-ħabs fl-2005 wara li l-każ għadda ġuri.
  6. Rachel Muscat inqatlet mill-għarus tagħha fl-2002 fl-appartament tiegħu f’Ħal Għaxaq. Nureddin Bazena qatel lit-tfajla wara li qaltlu li xtaqet ittemm ir-relazzjoni ta bejniethom. Hu kien ta numru ta’ daqqiet ta’ sikkina imbagaħd ħeba ġisimha taħt is-sodda.
  7. Pauline Tanti kienet qalgħet ukoll numru ta’ daqqiet ta’ sikkina mill-eks-raġel tagħha fl-2002 fuq l-għatba tal-kunjata. Ir-raġel kien temm ħajtu b’idejh wara li qatilha.
  8. Josette Scicluna inqatlet fl-2003 b’49 daqqa ta’ sikkina minn eks-għarus tagħha f’darha stess f’San Ġwann quddiem binthom ta’ seba’ snin. David Norbert Schembri intbagħat għal għomru l-ħabs fl-2009.
  9. Patricia Attard kienet instabet mejta fil-karozza tagħha f’Ta’ Qali fl-2004 wara tir.
  10. Doris Schembri inqatlet fl-2005 permezz ta’ numru ta’ daqqiet ta’ sikkina waqt li kienet għall-kura fl-Isptar San Luqa. L-eks-raġel tagħha kien dak li qatilha. Fl-1992, Anthony Schembri kien tressaq il-Qorti wara li attakka lil martu b’imqass. Hu kien qal li kien isofri minn kundizzjoni medika.
  11. Lyudmila Nykytiuk fl-2009 kienet waqgħet minn xaft waqt argument li kellha mar-raġel tagħha. Hu ħalliha tmut fix-xaft f’San Pawl il-Baħar.
  12. Catherine Agius inqatlet fl-2009 mill-eks-raġel tagħha wara li kienet nieżla minn fuq karozza tat-trasport pubbliku f’Ħal Tarxien. Roger Agius qed jiskonta sentenza ta’ 30 sena ħabs.
  13. Christine Sammut inqatlet fl-2010 permezz ta’ tir waqt li kienet fil-karozza, mill-eks-sieħeb tagħha. Kenneth Gafa qed jiskonta sentenza ta’ 35 sena l-ħabs wara li ammetta bil-qtil tagħha u b’hekk evita li jgħaddi ġuri u jaffaċċja għomru l-ħabs.
  14. Irena Abadzhieva kienet instabet mejta f’appartament f’Bugibba fl-2011 wara li eks-sieħeb tagħha qatilha b’40 daqqa ta’ sikkina. Il-mara inqatlet minn Mustafa Kosurgeli li sal-lum il-ġurnata għadu ma ġiex arrestat minkejja li huwa mniżżel bħala wieħed mill-aktar persuni perikolużi li qed jiġu mfittxija mill-Europol.
  15. Karen Cheatle instabet mgħarrqa fl-appartament tagħha fil-Mellieħa fl-2011. Hi kienet instabet wara li l-Pulizija ppruvaw jikkuntattjawha wara li sabu lis-sieħeb tagħha, John Agius, mgħallaq ma’ siġra barra d-dar tiegħu fl-Imġarr.
  16. Yvette Gajda inqatlet mis-sieħeb tagħha fid-dar tagħhom f’San Pawl il-Baħar lura fl-2012 wara li qalgħet 60 daqqa ta’ mqass. Nandor Marton kien wieġeb ħati li qatel lill-mara u kien weħel 25 sena ħabs.
  17. L-avukata Margaret Mifsud inqatlet fl-2012 wara li l-eks-sieħeb tagħha fgaha fil-karozza f’Baħar iċ-Ċagħaq. Nizar El Gadi weħel għomru l-ħabs wara li għadda ġuri u nstab ħati.
  18. Meryem Bugeja li kienet qed tqila b’tewmin instabet mejta wara li qalgħet daqqiet f’rasha fid-dar tagħha fl-Imġarr fl-2012. Għall-bidu l-Pulizija ħasbu li l-mara kienet waqgħet, ħabtet rasha u mietet iżda aktar tard irrealizzaw li dan ma kienx possibbli. L-eks-raġel tagħha ġie interrogat mill-Pulizija iżda ġie rrilaxxat għax ma kienx hemm biżżejjed evidenza.
  19. Silvana Muscat kienet instabet mejta fis-sodda tagħha wara li qalgħet ħames daqqiet ta’ sikkina fid-dar f’San Pawl il-Baħar fl-2015. Is-suspettat bil-qtil tagħha huwa r-raġel tagħha Hamid Nour Eddine G Ibrahim li ilu għal snin twal jiġi mfittex mill-Pulizija madwar l-Ewropa. Ftit tal-ġimgħat qabel il-qtil tagħha, hu kien qal fil-Qorti li kien aggredixxa lil martu u kien ġie ordnat biex ma jersaqx lejha aktar.
  20. Caroline Magri kienet instabet mis-sieħeb tagħha mejta b’għonqha mħanxar fis-sodda tagħha fl-2016 f’Ta’ Ġiorni. L-eks-sieħeb tagħha huwa suspettat bl-assassinju tagħha wara li allegatament kien ilu jħuf warajha u jheddidha għal żmien twil.
  21. Eleanor Mangion li nqatlet b’daqqa ta’ mannara f’rasha fl-2016 u nstabet f’warehouse fĦal Qormi. Is-sieħeb tagħha qed jiġi akkużat bil-qtil tagħha. Huma kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni u flimkien kellhom tifla ta’ 9 snin.
  22. Maria Carmela Fenech u Antonia Micallef inqatlu b’daqqiet ta’ sikkina din is-sena fil-Għargħur. Iben Maria qed jiġi akkużat li qatel liż-żewġ nisa waqt argument. Il-każ għadu qed jinstema’ l-Qorti.
  23. Shannon Mak li ntabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera din is-sena. Is-suspettat ewlieni huwa l-eks-sieħeb tagħha li qed jingħat li qatilha wara li kienet wasslitu d-dar wara attività tax-xogħol u ħanxrilha għonqha wara argument.
  24. Lourdes Agius, omm ta’ sitt itfal, instabet mejta f’darha f’Raħal Ġdid fl-aħħar jiem. Is-suspettat ewlieni huwa s-sieħeb tagħha li Michael Emmanuel mill-Kosta tal-Avorju li qed jitressaq il-Qorti.

Il-kumpilazzjoni tal-każijiet saret minn Josanne Cassar u Yosanne Vella, madanakollu mhux eskluż li barra dawn il-każijiet hemm oħrajn.