Imħallef tgħid li wasal iż-żmien tal-brazzuletti elettroniċi f’Malta

Imħallef qalet li wasal iż-żmien li jidħlu brazzuletti elettroniċi biex jiġu segwiti aħjar persuni li jingħataw il-libertà proviżorja. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet dan meta kienet qed tagħti sentenza ta’ libertà proviżorja lil Mustafa Abu Seadah, li jinsab akkużat bi stupru ta’ mara Maltija wara li ħadha d-dar tiegħu.

Hawnhekk l-Imħallef semmiet kif l-uniċi kundizzjonijiet li tista’ timponi l-qorti fuq l-akkużat, huma d-dħul lura d-dar sa ċertu ħin, l-iffirmar fl-għassa u garanzija personali jew finanzjarja. Sostniet li f’Malta wasal iż-żmien tidħol il-brazzuletta elettronika, li qalet ilha tintuża snin twal barra minn Malta.

Semmiet kif sitt snin ilu fil-Parlament, l-avukat Franco Debono kien irrefera għal dan il-metodu għax jilħaq bilanċ tajjeb bejn l-interessi tal-akkużat u dawk tas-soċjetà in ġenerali.

Dwar il-każ tal-Libjan, l-Imħallef Scerri Herrera qalet li l-kundizzjonijiet li qed timponi fuqu huma li jgħix f’indirizz partikolari, li jiffirma tliet darbiet f’ġimgħa fl-għassa, li ma jersaqx lejn xhieda fil-prosekuzzjoni u li ma jitlaqx minn Malta. Huwa ntalab ukoll depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000.