Imħallef Kattoliku Amerikan jiddefendi l-piena tal-mewt

L-Imħallef Patrick Dinkelacker

Imħallef Kattoliku f’Ohio, l-Istati Uniti ddefenda d-deċiżjoni tiegħu li jikkundanna għall-mewt lil Anthony Kirkland, ħati ta’ serje ta’ delitti.

“Bħala persuna li jemmen fil-qdusija tal-ħajja, li niġġudika persuna u niddeċiedi jekk il-piena tal-mewt hix xierqa jew le, mhux doveri li naqdi b’leġġerezza,” qal l-Imħallef Patrick Dinkelacker, lill-ġurnal “Cincinnati Enquirer.”

L-akkużat, Antony Kirkland ta’ 49 sena, instab ħati li qatel tliet nisa u żewġ tfajliet u kien qed iservi sentenza ta’ għomru l-ħabs fuq żewġ delitti. Imbagħad ingħata s-sentenza tal-mewt għall-qtil ta’ żewġt ibniet waħda ta’ 13 u oħra ta’ 14-il sena.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Dinkelacker qal li “dawk li mhux kapaċi jipproteġu lilhom infushom, isiru l-vittmi ta’ dawk bħal Kirkland. Jien ħadt ġurament li nimxi mal-liġi u hekk se nagħmel. Jekk nagħmel mod ieħor ikun moralment, legalment, filosofikament u teoloġikament ħażin.”

Il-Prosekutur Pubbliku ta’ Hamilton, li hu wkoll Kattoliku, talab għall-piena tal-mewt kontra Kirkland.

Iżda Dr Kevin Miller, Professur tat-Teoloġija fl-Università Franġiskana ta’ Steubenville qal lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattoliċi li l-Prosekuturi fl-Istat ta’ Ohio “qatt ma huma obbligati mil-liġijiet tal-Istat biex jitolbu u l-Imħallfin qatt ma huma legalment marbuta li jimponu l-piena tal-mewt.”

Fr Paul Mueller, Superjur tal-komunità tal-Ġiżwiti fl-osservatorju tal-Vatikan, f’ittra li kiteb lill-Prosekutur Pubbliku qal li “Jien diżappuntat, imbarazzat u skandalizzat li int, mhux biss Kattoliku imma wkoll student ta’ skola Kattolika użajt il-pożizzjoni tiegħek bħala uffiċjal pubbliku biex topponi u tikkonfondi it-tagħlim morali tal-Knisja b’mod hekk apert.”

“Bħala Prosekutur int obbligat tinforza l-liġi ċivili. Iżda bħala Kattoliku int obbligat li tikkonforma moħħok u qalbek għal-liġi morali li hi ogħla u tgħin lil oħrajn biex jagħmlu l-istess u mhux tfixkel l-isforzi tagħhom. It-tagħlim tal-Knisja hu ċar: fid-difiża tas-soċjetà kontra l-ħażen, hu moralment inaċċettabbli li wieħed jadotta l-piena tal-mewt,” qal il-Ġiżwita lill-Prosekutur Pubbliku.

Dan it-tagħlim tal-Knisja jinstab fl-Evangelium Vitae li tgħid li l-awtoritajiet ċivili “ma għandhomx imorru fl-estrem li joqtlu lill-ħati ħlief f’każi ta’ bżonn assolut: fi kliem ieħor, fejn altrimenti ma jkun possibbli li tiddefendi s-soċjetà.” L-Enċiklika tkompli li “bħala riżultat ta’ titjib kbir fis-sistema penali, dawn il-każi huma rari ħafna jekk mhux prattikament non-eżistenti.”