Imħallef irtirat se janalizza l-laptop ta’ Daphne dwar theddid

L-Imħallef irtirat li analizza l-messaġġi ta’ Whatsapp għat-theddid fuq il-ħajja ta’ Dapne Caruana Galizia, se jkun qed janalizza wkoll il-laptop li kien ippreżentat fil-Qorti bħala evidenza.

Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet f’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017 fit-3pm. Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra tlitt irġiel akkużati, Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat għadha għaddejja.

Matul is-seduta tal-Erbgħa, il-Qorti semgħet it-talba tal-Avukat tad-Difiża ta’ Alfred Degiorgio sabiex l-Imħallef janalizza l-kontenut tal-laptop li ġie preżentat fil-Qorti kif ukoll il-blogg tagħha, Running Commentary.

Għal din it-talba, l-Ispettur Keith Arnaud qal li l-blogg huwa pubbliku u m’hemmx bżonn Imħallef irtirat biex janalizza xi ħaġa pubblika. Kompla li l-blogg għadu attiv u kien diġà ġie preżentat fil-Qorti bħala parti mill-proċeduri. L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja ta’ Caruana Galizia staqsa għala hemm bżonn Imħallef irtirat biex janalizza dan il-blogg. Min-naħa tagħha l-Maġistrat Claire Stafrace qalet li l-għan għala nħatar l-Imħallef irtirat kien biex jipproteġu s-sorsi tal-ġurnalista meta jkunu qed jiġu analizzati l-messaġġi tal-WhatsApp.

Il-Maġistrat laqgħet it-talba tad-difiża biex il-laptop tal-ġurnalista jiġi analizzat mill-Imħallef iżda ma laqgħetx it-talba biex jiġi analizzat il-blogg ta’ Caruana Galizia. Hija qalet li t-theddid minn fuq il-blogg kienu diġà ġew preżentati fil-Qorti u huma pubbliċi.