Imħabbra r-rebbieħa tal-pjanti li għamlu għal żewġ NGOs

Ġew imħabbra r-rebbieħa tal-ewwel kompetizzjoni organizzata mill-Kamra tal-Peritil li fiha dawk li ħadu sehem kellhom jagħamlu pjanta għal żewġ għaqdiet mhux governattivi. Fi stqarrija l-Kamra tal-Periti spjegat li r-rebbieħa tħabbru fis-7 t’Ottubru li għadda u l-isem ta’ din il-kompetizjoni kien ‘Sustainable Communities: Housing for Tomorrow mmexxi mill-Awtorità tad-djar u s-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Il-Kamra tal-Periti spjegat li l-proposti ta’ żewġ għaqdiet mhux governattivi ntgħażlu minn bord speċjalizzat. L-għaqda mhux governattiva Mid-Dlam għad-Dawl proponiet proġett immirat li jagħti sapport residendzjali kif ukoll servizzi terapewtiċi lill-priġunieri u l-familji tagħhom bil-għan li jiġi kkreat ambjent li fih jilqa’ lil kulħadd u jkun hemm ukoll integrazzjoni ta’ dawn il-priġunieri fis-soċjetà.

Il-proposta tar-Richmond Foundation hija mmirata li tgħin ommijiet li jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom u għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Il-proposta hija li f’ambjent integrattiv l-ommijiet flimkien mat-tfal tagħhom ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti. Iż-żewġ proġetti jinsabu fil-Birgu u Bormla rispettivament.

Il-Kamra tal-Periti nediet din il-kompetizzjon fejn fiha, il-periti kellhom jissottomettu l-proposti tagħhom skont il-binjiet. Il-ġurija kienet magħamula minn diversi professjonisti f’oqsma differenti.

Il-proposta rebbieħa għall-proġett preżentat minn Richmond Foundation huma Local Office bl-isem ta’ “Home: An Active Threshold for Belonging”. Din il-proposta tinkludi dak kollu li persuna għandha bżonn biex tgħix ħajja indipendenti. Il-bord għażel dan il-proġett ukoll għax dehret l-ammont ta’ riċerka li saret f’dan il-proġett.

Il-proposta rebbieħa għal-proġett tal-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl intrebaħ minn openworkstudio bl-isem ta’  “Birgu: The Ordinary House”. Il-ġurija għażlet dan il-proġett għal mod kif irnexxielhom idawru dar ordinarja għal xi ħaġa straordinarja.

Matul iċ-ċerimonja li fiha tħabbru r-rebbieħa l-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Simone Vella Lenicker enfasizza dwar l-importanza ta’ dawn il-kompetizzjonijiet. Huwa spjega li permezz ta’ din il-kompetizzjoni żewġ għadqiet mhux governattivi li jaħdmu ma’ setturi vulnerabbli tas-soċjetà ggwadanjaw minn dan il-proġett.