Il-MaltaPost ħabbret li se tkun qed tirdoppja l-prezz tal-ittri reġistrati lokali u li se tkun qed tnaqqas il-ħin sa meta wieħed jista’ jmur jimposta l-ittri.
Il-MaltaPost ħabbret li se tkun qed titlob €2 għall-ittri reġistrati minn Malta għal Malta mill-1 ta’ Jannar. Qabel, il-MaltaPost kienet tilob €0.90 għall-istess servizz.
Fi stqarrija, il-MaltaPost qalet li se tkun qed iżżid it-tariffi għall-posta reġistrata lokali u ta’ barra. Spjegat li dan ġie approvat mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA).
Posta reġistrata lokali issa se tkun tiswa €2 u għal barra se tiswa €5. Irċevuta tal-konferma tat-tqassim tal-posta issa se tkun tiswa €2 u €2.60 rispettivament. Qabel, din l-irċevuta kienet tiswa €1.20 u €2 għall-posta lokali u ta’ barra rispettivament.
Apparti minn hekk, filwaqt li qabel wieħed seta’ jimposta l-ittri fil-kaxxi tal-ittri sas-7 pm, issa dan se jkun jista’ jsir sal-5.15 pm matul il-Ġimgħa. Is-Sibt, fejn qabel wieħed seta’ jimposta l-ittri sat-3 pm, issa l-aħħar ġbir se kun fin-12.30 pm. It-tibdil fil-ħinijiet jidħol fis-seħħ mit-2 ta’ Jannar 2019.