Imħabbra l-proġetti għat-tisbieħ ta’ B’Buġa

Ix-xogħlijiet fil-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa, li Newsbook.com.mt kien żvela li se jsiru fil-ġimgħat li għaddew, tħabbru uffiċjalment mill-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.

F’Birżebbuġa, Huwa mistenni li l-Gvern iwettaq proġetti li se jiswew aktar minn €3 miljuni, li jinkludu wkoll it-tisbieħ tax-xatt fil-Qajjenza.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo ħabbar li l-proġetti sportivi jinkludu l-bini tal-pitch tal-Waterpolo, Club House u l-bini ta’ grawnd tal-futbol.

Waqt li x-xogħol fuq il-Waterpolo Pitch se jibda fit-tieni ġimgħa ta’ Ottubru u jitlesta fi żmien sentejn, ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol fl-inħawi ta’ Triq il-Port Ħieles, huwa ppjanat li jibda s-sena d-dieħla.

Il-pitch se jkun mibni fuq il-livell tal-ilma u l-istruttura se jkollha tul ta’ 33 metru b’25 metru u se jintuża ilma mhux mielaħ.

Il-proġett jinkludi wkoll il-kostruzzjoni ta’ kamra fejn ikun hemm il-pompa u ġibjun taħt l-art.

Il-grawnd tal-futbol se jkollu diversi faċilitajiet fosthom ‘dressing rooms’ u pitch tat-terf artifiċjali.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li qed jitħejjew il-pjanti biex isir il-proġett ta’ tisbiħ tax-xatt fil-Qajjenza. 

 

Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott