Imħabbra l-impenji tal-Arċisqof għall-Ġimgħa Mqaddsa

Hekk kif kulma jmur riesqa dejjem l-aktar festa meqjuma fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika, l-Għid il-Kbir, il-Kurja ħabbret l-impenji tal-Arċisqof Charles Scicluna fil-Ġimgħa Mqaddsa, li dis-sena se taħbat mill-Ħadd, 9 ta’ April, sal-Ħadd 16 ta’ April.
F’Ħadd il-Palm, l-Arċisqof jagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tberik tradizzjonali tal-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ fid-9.15am, u wara jiċċelebra quddiesa li fiha jinqara r-rakkont tal-passjoni mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Fl-Erbgħa tat-Tniebri, Mons Scicluna mistenni jmexxi l-Vija Sagra minn Bieb il-Belt sal-Konktidral ta’ San Ġwann. Kollox jibda fis-7pm.
Il-Monsinjur ikompli bl-impenji tiegħu l-għada, Ħamis ix-Xirka, b’quddiesa tal-Griżma li tibda fid-9am. Dil-quddiesa se tkun waħda doppjament speċjali għal saċerdoti djoċesani u reliġjużi li se jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni.
Filgħaxija, jinħaslu riġlejn numru ta’ persuni waqt quddiesa li tfakkar l-Ikla tal-Mulej. Fi tmiemha, Mons Scicluna jwassal is-Sagrament Imqaddes fil-kappella tar-ripożizzjoni, għall-qima tal-Insara.
Fil-Ġimgħa l-Kbira mbagħad se jmexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù. Ir-rakkont tal-Passjoni f’din il-liturġija tkun skont San Ġwann, u magħha jkun hemm l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.
L-għada Mons Scicluna mistenni jmexxi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar ġdid fuq iz-zuntier tal-Konkatidral, u tkompli bil-liturġija tal-Kelma, tal-magħmudija, u tal-Ewkaristija.
Żewġ trabi u ħames adulti se jitgħammdu waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Sibt il-Għid.
Finalment, f’Ħadd il-Għid, l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. Fi tmiemha, tingħata l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.
L-attivitajiet kollha msemmija hawn fuq se jinżammu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Il-Kurja avżat li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kollha tul il-Ġimgħa Mqaddsa se jkunu qed jixxandru diretti fuq iċ-channel tal-Knisja f’Malta fuq Youtube