Imħabbra elezzjoni każwali għas-siġġu ta’ Frederick Azzopardi

Frederick Azzopardi Każin PN Rabat Għawdex

Read in English.

Ġiet imħabbra elezzjoni każwali għas-siġġu li kien okkupat mid-deputat Għawdxi Frederick Azzopardi, li miet aktar kmieni dan ix-xahar.

Azzopardi kien tela’ bis-saħħa tal-mekkaniżmu kostituzzjonali li jassigura li n-numru ta’ deputati jirrifletti r-riżultat elettorali nazzjonali.

Ħarġu 11-il kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fit-13-il distrett elettorali – Għawdex u Kemmuna – u kienu oriġinarjament ġew eletti Chris Said u Marthese Portelli. Portelli kienet ċediet is-siġġu għax telgħet minn żewġ distretti, u l-post tagħha ħadu David Stellini. Però Stellini rriżenja, u Kevin Cutajar ġie co-opted minfloku.

B’hekk jibqa’ sitt kandidati li jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni, inklużi tnejn ibbażati Malta: l-eks ministru Ċensu Galea u Charles Polidano, li kien membru tal-Partit Demokratiku li kien f’koalizzjoni mal-PN fl-2017.

Il-kandidati l-oħra huma Joseph Ellis, Ryan Mercieca, Maria Portelli u Jason Zammit.

Fl-elezzjoni tal-2017, Mercieca kien kiseb l-aktar voti – 738 – fl-ewwel għadd. Portelli ġabet 403, Ellis 339, Zammit 309, Galea 97 u Polidano 96.

Kandidati eliġibbli qed jiġu mitluba jippreżentaw in-nomina tagħhom mit-30 ta’ Ottubru sat-3 ta’ Novembru, u l-għadd tal-voti ser isir nhar il-Ħamis 5 ta’ Novembru, mit-8.30am ‘il quddiem.