Imħabbra d-dettalji aġġornati għall-konsagrazzjoni episkopali ta’ Mons. Anton Teuma

Read in English.

Fid-dawl tal-miżuri aġġornati maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u dawk tal-Knisja f’rabta mal-imxija tal-Covid-19, id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret aġġornamenti dwar il-Programm tal-Inawgurazzjoni Uffiċjali tal-Ministeru ta’ Mons. Anton Teuma bħala Isqof ta’ Għawdex:

  • Il-Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru Episkopali ta’ Mons. Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex, li kienet ġiet imħabbra għall-5 ta’ Settembru, se ssir il-Ħamis 27 ta’ Awwissu, fis-6.30pm, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija. Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Newsbook.com.mt, fuq Xejk TV u fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex (Youtube u Facebook).
  • Ċelebrazzjoni ta’ talb bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. Anton Teuma, il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru fit-8pm, se ssir bil-magħluq fil-Kappella tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, il-Belt Victoria. Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Newsbook.com.mt u fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.
  • Il-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. Anton Teuma, nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, fil-5.30pm, se tinżamm fil-miftuħ fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb. Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Newsbook.com.mt, fuq TVM2 u fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.
  • L-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma se jagħmel il-Quddiesa tal-Ingress Solenni fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru, fis-6.30pm. Dakinhar jaħbat il-156 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Newsbook.com.mt u fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.

Id-Djoċesi t’Għawdex qalet li l-programm jibqa’ suġġett għal tibdil u l-possibbiltà li wieħed jieħu sehem tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-mument. Għal dettalji aġġornati wieħed għandu jsegwi l-midja soċjali tad-Djoċesi.

L-Istemma Episkopali tal-Isqof Anton Teuma

L-Istemma tal-Isqof il-ġdid

Id-Djoċesi ta’ Għawdex xandret ukoll l-Istemma Episkopali tal-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma, li nħadmet miċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon (Għawdex).

Kif diġà tħabbar, il-motto tal-istemma episkopali tal-Isqof Teuma – “U baqa’ miexi magħhom” – meħud mill-Vanġelu skont San Luqa, fejn il-Mulej imqajjem mill-mewt jimxi mad-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws (Lq 24:13-35), juri l-missjoni tal-Knisja li f’isem Kristu takkumpanja lill-bniedem fil-mixja tal-ħajja tiegħu, anki fil-mumenti tqal u ta’ dlam.

Bħala element viżiv fl-istemma, li juri din ir-realtà, għandna figura mill-Ewwel Ktieb tasSlaten (17:2-6) fejn il-profeta Elija jaħrab u jinħeba fil-wied ta’ Kerit. Hemmekk, il-profeta ppersegwitat u maħrub, li jagħmel esperjenza tal-falliment, iduq il-preżenza u l-providenza ta’ Alla li takkumpanjah fiċ-ċawl li kien iġiblu l-laħam u l-ħobż kull filgħodu u kull filgħaxija.