Imħabbra d-dati għall-istaġun tal-kaċċa

L-istaġun tal-kaċċa għall-għasafar fuq il-baħar ser ikun permess mill-1  ta’ Ottubru 2013 sal-31 ta’ Jannar 2014 u l-istaġun tal-kaċċa tal-għasafar fuq l-art ser ikun permess mill-1 ta’ Settembru 2013 sal-31 ta’ Jannar 2014. Skont l-Avviż legali ppublikat mill-Gvern, il-kaċċa fil-ħarifa se tkun permessa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx u sagħtejn wara nżul ix-xemx fi kwalunkwe ġurnata, mit-Tnejn sas-Sibt u bejn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx  u s-siegħa ta’ wara nofsinhar fil-Ħdud u btajjel pubbliċi.

Il-kaċċa fuq l-art bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru mhux ħa tkun permessa mit-Tnejn sas-Sibt wara s-7pm u sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara. Din il-miżura qed tiġi implementata biex tipproteġi l-passa tal-għasafar protetti f’dan il-perjodu.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li waqt l-istaġun tal-kaċċa, partikolarment waqt l-aħjar żminijiet ta’ passa ta’ tajr protett, il-preżenza ta’ infurzar ser tkun qawwija daqs kif tmexxiet fil-passa tar-Rebbiegħa.