Imħabbra 6 xhur moratorju fuq ħlasijiet tas-self

L-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji liċenzjati mill-Awtorità għas Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ġew ordnati sabiex joffru sitt xhur moratorju fuq il ħlasijiet lura tal-kapital u l-imgħax għal min jissellef u li ġie affettwat b’mod negattiv mill COVID 19. Dan wara diskussjonijiet bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għall-Finanzi li wasslu għall-ħruġ ta’ moratortju fuq ir-Regolamenti tal-Faċilitajiet ta’ Kreditu f’Ċirkostanzi Eċċezzjonali permezz tal-Avviż Legali 142.

Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li b’konformità ma’ dawn ir-Regolamenti, ħareġ id-Direttiva 18 sabiex jiddefinixxi l‑eliġibbiltà tal‑moratorju u kundizzjonijiet oħra relatati mal‑implementazzjoni tal‑provvedimenti tar‑Regolamenti.

Ġie spjegat li l‑moratorju japplika għal faċilitajiet ta’ kreditu li ngħataw qabel l‑1 ta’ Marzu 2020 – kemm jekk huma individwi, households jew negozji – u li jistgħu juru li ġew affettwati ħażin mill‑pandemija. Applikazzjonijet għandhom isiru mal‑istituzzjoni tal‑kreditu jew finanzjarja rispettiva tagħhom sat‑30 ta’ Ġunju 2020. Il‑Ministru għas‑Saħħa, f’konsultazzjoni mal‑Ministru għall‑Finanzi u s‑Servizzi Finanzjarji, jista’ jiddeċiedi li jestendi t‑tul tal‑moratorju u t‑tul tal‑perjodu għall‑applikar. Il‑perjodu ta’ sitt xhur moratorju jibda b’effett mid‑data tal‑approvazzjoni tal‑applikazzjoni.

X’inhu moratorju?

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta spjega xi tfisser il-kelma moratorju. Dan huwa sospensjoni temporanja tal‑obbligi ta’ ħlas lura ta’ min jissellef. Għalhekk, dawk li jissellfu u li huma eliġibbli għal dan il‑moratorju se jkunu jistgħu jipposponu ħlasijiet lura tal‑kapital u/jew tal‑imgħax għal data iktar ’il quddiem – mingħajr l‑ebda penali jew tariffi ta’ ristrutturar/amministrattivi.

Punti prinċipali tad-direttiva

  • Il‑moratorju ma jingħatax awtomatikament, u l‑applikazzjoni ta’ min jissellef għandha ssir mal‑istituzzjoni tal‑kreditu jew finanzjarja rispettiva. Il‑moratorju jidħol b’effett meta l‑applikazzjoni tkun approvata. Min jissellef għandu sat‑30 ta’ Ġunju biex japplika. Jekk diġà bdejt moratorju offrut minn min jislef, iżda tħoss li t‑termini skont id‑Direttiva huma aktar vantaġġjużi, tista’ tinnegozja mill‑ġdid it‑termini soġġetti għal ftehim mal‑istituzzjoni tal‑kreditu jew finanzjarja.
  • L‑istituzzjonijiet tal‑kreditu u finanzjarji għandhom id‑dritt li jirrifjutaw l‑applikazzjoni sakemm dan isir skont it‑termini tad‑Direttiva. Madankollu, jekk jogħġbok innota li dawk li jissellfu u li għandhom ħlasijiet lura pendenti datati qabel l‑1 ta’ Marzu 2020 mhumiex eliġibbli għall‑moratorju.
  • Min jissellef jista’ japplika li joqgħod lura mill‑ħlasijiet, kemm tal‑kapital u tal‑imgħax, għal sitt xhur sħaħ, u jista’ jagħżel ukoll li jkompli jħallas l‑imgħax iżda mhux il‑kapital.
  • Il‑ħlasijiet differiti matul il‑moratorju se jitħallsu waqt estensjoni ta’ sitt xhur tat‑terminu tal‑faċilità ta’ kreditu. Jekk il‑faċilità ta’ kreditu kienet ser timmatura fl‑età tal‑irtirar, il‑ħlasijiet differiti għandhom jinfirxu b’mod uniformi matul it‑terminu li jifdal tal‑faċilità tal‑kreditu wara t‑tmiem tal‑perjodu ta’ moratorju.

Aqra l-Avviż Legali minn hawn.

Deċiżjoni li se tgħin lin-negożji – Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji laqgħet il-miżura tal-moratorju ta’ sitt xhur u qalet li din il-miżura flimkien mal-iskemi mħabbra fil-ġimgħat li għaddew se jkunu kruċjali sabiex in-negozji Maltin jibqgħu f’saħħithom f’dan iż-żmien kritiku.

Il-Kamra qalet li huwa importanti li n-negozji jsalvaw minn din iil-kriżi għax jekk dawn ikollhom jgħalqu se jkun hemm effetti negattivi u devastanti fuq l-ekonomija Maltija. Qalet li l-għajnuna pprovduta mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Malta Development Banks huma żewġ passi importanti fis-salvataġġ tal-ekonomija tal-pajjiż. Minkejja dan, il-Kamra qalet li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin hekk kif hemm bżonn jittieħdu aktar azzjonijiet.

Il-Kamra qalet li temmen li hemm bżonn ta’ tnaqqis fir-rati ta’ interessi, fil-ħlasijiet li jridu jsiru meta jkun hemm ħlasijiet elettroniċi, kif ukoll li jitneħħew l-ispejjeż relatati mal-faċilitajiet tal-internet banking.