Imħabbra 6 skemi għall-karozzi

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg nieda skemi finanzjarji għall-mezzi tat-trasport privati aktar sostenibbli għall-2019, b’investiment ta’ €2.5miljun.

Is-sitt skemi huma mqassma hekk:

  1. Skema tal-iskrappjar b’allokazzjoni ta’ €1.5 miljun. Huma eliġibbli vetturi ġodda tal-Kategorija M1 jew Vetturi Hybrid tal-Kategorija M1, meta wieħed ikun qiegħed ineħħi mir-reġistru u jiskrappja vettura mill-istess kategorija. Hawnhekk l-għotja tvarja minn €800 għal €2,000.
  2. Skema għal vetturi elettriċi b’allokazzjoni ta’ €600,000. Għal din l-iskema huma eliġibbli individwi, Kunsilli Lokali, NGOs reġistrati u kumpaniji privati.
  3. Skema għall-konverżjoni għall-Autogas jew LPG b’allokazzjoni ta’ €50,000. Għotja ta’ €200 meta wieħed jikkonverti vettura M1 jew N1 għal Autogas jew LPG.
  4. Skema għat-taxis u vetturi misjuqa minn xufier b’allokazzjoni ta’ €100,000. Għotja ta’ €10,000 meta wieħed jirreġistra taxi jew vettura ġdida misjuqa minn xufier, li tkun aċċessibbli għal siġġu tar-roti.
  5. Skema għall-importaturi tal-karozzi ġodda b’allokazzjoni ta’ €80,000. Għotja ta’ massimu ta’ €25,000 lill-importaturi tal-karozzi ġodda li jkunu jixtiequ jagħtu upgrade lill-garaxx tagħhom sabiex ikun jista’ jagħti service lil vetturi elettriċi, filwaqt li jħarrġu lill-ħaddiema għal din it-teknoloġija ġdida.
  6. Skema għall-konverżjoni ta’ vetturi M2, M3, N2 jew N3 b’allokazzjoni ta’ €100,000. Din l-iskema hija applikabbli għall-persuni residenti f’Malta li huma rreġistrati bħala sidien ta’ vettura li hija rreġistrata u lliċenzjata minn Transport Malta f’isem l-applikant fid-data tal-konverżjoni u l-applikazzjoni, u li ġiet retrofitted b’sistema HDDF minn persuna kompetenti.

Il-Ministru Ian Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-reazzjoni tal-pubbliku għall-iskemi tal-2018. Qal li ‘l fuq minn 1,800 persuna ħadu l-pass li jixtru mezz tat-trasport iżjed nadif.