Filmat: “Minn 7% għal bejn 5% u 6% għat-tkabbir ekonomiku; xorta b’saħħtu”

Read in English.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta dokument ta’ diskussjoni qabel il-Baġit 2020 fejn fost l-oħrajn qal li minkejja li t-tkabbir ekonomiku se jonqos, xorta se jibqa’ b’saħħtu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Prof. Scicluna qal li l-Gvern qed jippreżenta b’mod konċiż l-andament ekonomiku u l-kompetittività tal-pajjiż. Id-dokument iħares ukoll lejn it-tqassim tal-ġid. Qal li t-tkabbir irid ikun inklussiv.

Il-Ministru Scicluna qal li t-tkabbir qiegħed u jibqa’ b’saħħtu imma ma jfissirx li se jibqa’ għaddej bis-7%, iżda jiġi aktar moderat li jvarja bejn il-5 u 6% fl-2020. Irrefera wkoll għall-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni fid-dinja tax-xogħol. Qal li kien hemm tkabbir sostanzjali fejn jidħlu n-nisa fid-dinja tax-xogħol.

Tkellem dwar it-tqassim tal-ġid u qal li minkejja li l-midja tirrapporta dwar każi ta’ faqar, importanti li wieħed iqis li meta mqabbel mal-Unjoni Ewropea, Malta rnexxielha tnaqqas il-faqar għal 19% filwaqt li l-medja Ewropea għadha ta’ 22%.

Dwar l-edukazzjoni terzjarja qal li Malta kienet fost l-iktar pajjiż li għamel qabża fl-aħħar 10 snin fejn tidħol din it-tip ta’ edukazzjoni. Intant qal li l-life expectancy f’Malta qiegħda f’livell tajjeb ħafna. Stqarr li l-pajjiż fadallu ħafna x’jaqdef fejn tidħol il-gender gap.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Scicluna qal li dan id-dokument joħroġ u juri s-suċċess u t-tkabbir ekonomiku u jibqa’ inklussiv, il-ġid jitqassam kemm jista’ jkun b’mod ekwu u fl-istess ħin jibqa’ sostnut. Hu u jitkellem dwar sfidi li hemm għaż-żmien li ġej, Scicluna semma li minbarra sfidi internazzjonali bħal Brexit u n-negozjar ta’ tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, hemm dawk lokali fejn semma wkoll it-toroq, l-arja u l-ambjent li huma ta’ prijorità għan-nies.

Mistoqsi dwar il-kwistjonijiet dwar id-differenza bejn l-opportunitajiet li jiġu pprovduti bihom ġeneri differenti, qal li l-importanti hija li tagħti l-importanza lill-mara daqs ir-raġel. Qal li meta wieħed jagħti opportunità ħielsa mela d-differenza bejn il-pagi tonqos.

Tista’ taqra d-dokument sħiħ hawn: Pre-Budget-2020