Imħabba u għira

It-tieni episodju mis-sensiela It-Tmien Nota jixxandar illum it-Tnejn fit-3pm fuq TVM.

Lura fiż-żmien naraw lil Agnes mal-għalliema tal-vuċi tat-tifla tagħha u jaqblu li t-tifla setgħet timxi ‘l quddiem fil-karriera. Agnes turiha d-determinazzjoni ta’ żewġha li akkost ta’ kollox isibilha l-flus għal-lezzjonijiet. L-għalliema tgħidilha li għax temmen fil-ħila tat-tifla mhux se żżommilha flus kemm suppost.

“Meta taqla’ l-flus mill-kant,” tgħid lil Agnes, “ħallsuni.”

Fl-istess klassi ma’ Bella ikun hemm Nora, bint Louise, tifla oħra ta’ omm imkabbra biha nnfisha li tħoss li bintha hija l-aqwa waħda. Tkun se tibda l-għira.

Robert u Agnes jibdew jippakkjaw l-affarijiet tad-dar biex ikunu jistgħu jbigħu minnhom u jmorru f’dar oħra. Bella issa taf li l-familja falluta u qalbha maqsuma tmur iddoqq il-pjanu. Imma għadha ma tafx li se jbigħulha l-pjanu. Il-ġenituri joħorġu mid-dar biex imorru għand l-avukat u t-tifla tibqa’ waħedha. Waqt li ddoqq il-pjanu jċempel il-bieb u tiftaħ. Raġel jgħidilha biex tgħid lill-ġenituri li kienu ġejjin għall-pjanu l-għada filgħodu. It-tifla tieħu qata’ b’din l-aħbar. Meta l-ġenituri tagħha jiġu lura ma tgħidilhomx li taf dwar il-bejgħ tal-pjanu.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.