Imġiegħla tħallas lura l-fwieħa misruqa li biegħet fuq Facebook

Mara li kienet qed tbiegħ fwieħa misruqa ġiet ordnata tħallashom lura lil sid tal-ħanut u nħelset proviżorjament għal sentejn.
Telefonata anonima lill-sid il-ħanut wasslet biex il-Pulizija jaqbdu lil Denise Camilleri, mara ta’ 33 sena li kienet qed tbiegħ din il-fwieħa fil-grupp popolari fuq Facebook “Min ipartat u min ibigh”.
Is-sid ikkonferma li l-fwejjaħ li nbiegħu fuq Facebook kienu l-istess bħal dawk li kienu nsterqu mill-ħanut fil-Ħamrun, u l-pulizija ntalbu jieħdu passi.
Jidher li l-mara kienet qed tuża profil falz bl-isem ta’ Shaz Kez Camilleri.
Fl-interrogazzjoni, Camilleri nsistiet li kienet ġabet il-konsenja ta’ fwejjaħ minn persuna Afrikana li ltaqgħet miegħu kumbinazzjoni fil-Marsa. Hija rrepetiet din l-istqarrija fil-Qorti, iżda qalet li ma kellha l-ebda idea dwar l-isem jew in-numru tat-telefon tal-Afrikan peress li kien juża numru privat meta ċemplilha.
L-ispjegazzjoni tagħha ma kkonvinċitx lill-qorti. Il-Maġistrat Doreen Clarke rrimarkat li l-verżjoni tagħha kienet imħawwda b'kuntradizzjonijiet, u l-fatti probabilment ma kienux kif spjegathom fil-Qorti.
Għal din ir-raġuni, Camilleri ġiet meħlusa proviżorjament għal sentejn u ordnata tħallas lura €86.95 lil sid il-ħanut tal-fwejjaħ.