“Imġiegħla jqattgħu 2.5 sigħat brejk fl-istaff room”

Carers fl-Isptar Monte Karmeli qed jintalbu jibqgħu fuq il-post tax-xogħol waqt il-brejk tagħhom ta’ sagħtejn u nofs waqt xift ta’ 12-il siegħa. Dan qaluh ma’  Newsbook.com.mt sorsi viċin il-ħaddiema tal-kuntrattur. Kelliem għall-General Workers’ Union (GWU) ikkonferma li l-unjin irċeviet ilmenti dwar dan u insista li din hija kontra l-liġi.

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt tkellmu dwar sensiela ta’ allegati abbużi mill-maniġment tal-isptar fuq il-ħaddiema tal-kuntrattur, fosthom is-sitwazzjoni tal-brejks tal-ħaddiema. Spjegaw kif minkejja li jkollhom ħin allokat għall-brejk kif stipulat mil-liġi, u li dan ma jitħallsux għalih, qed jiġu ordnati jqattgħu l-brejk tagħhom ix-xogħol ħalli jekk ikun hemm bżonnhom, dawn jerġgħu lura fis-sala b’mod immedjat. Qalu li l-brejk jkollhom iqattgħuh fl-istaff room u insistew li jekk ikun hemm din l-ordni għandhom jitħallsu kif stipulat mil-liġi Ewropea.

“… ħalli jekk ikun hemm bżonnha jkun aktar faċli jsibuha”

Is-sorsi komplew billi għamlu referenza għal każ speċifiku ta’ carer li ntalbet taħdem perjodu ta’ 12-il siegħa iżda rċeviet paga għal disa’ sigħat u nofs, bil-bqija tal-ħin meqjus bħala brejk mhux imħallas. Intant, il-kumpanija ordnatilha li għandha tibqa’ għal dak il-ħin kollu fil-kamra tal-istaff, ħalli jekk ikun hemm bżonnha, jkun aktar faċli li jsibuha.

Dwar dan, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Jeremy Camilleri mill-General Workers’ Union li insista li jekk wieħed ma jitħallasx tal-brejk tiegħu għandu kull dritt li jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol. Irrimarka li l-ebda kumpanija ma tista’ titlob impjegat jibqa’ fuq il-post tax-xogħol waqt il-ħin personali tiegħu mingħajr ħlas.

Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa fit-13 ta’ Jannar, madanakollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni, ma ntbagħtet l-ebda risposta.