Imġiegħla jikkonvertu għall-Iżlam biex jinħelsu minn akkużi

Priġunieri insara f’Lahore, fil-Pakistan qed ikunu mġiegħla jikkonvertu għall-Iżlam biex jinħelsu minn akkużi li jinġiebu kontrihom fil-Qorti.
Mexxejja Kristjani u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem qed jappellaw lill-Gvern tal-Pakistan biex jintervjeni u jwaqqaf dan il-fenomenu li issa qed isir prattika regolari.  Fil-jiem li għaddew, il-prokuratur distrettwali ta’ Lahore – Syed Ances Shah – kien akkużat minn għexieren ta’ nsara, li talbhom jikkonvertu għall-Islam biex ikunu liberati minn akkuża li ħaġġru żewġ Musulmani.
Fil-verita’ iż-żewġ Musulmani inqatlu waqt vjolenza kbira li kien hemm fil-pajjiż sentejn ilu meta terroristi wettqu żewġ attakki suwiċidi fuq knisja kattolika u oħra musulmana li fihom kienu nqatlu 18-il persuna u aktar minn 70 oħra sfaw feruti.  Wara dawk l-inċidenti kienu arrestati aktar minn 500 persuna ta’ reliġjon nisranija u akkużati li ħaġġru u qatlu liż-żewġ terroristi.
40 minn dawn kienu nstabu ħatja u l-Maġistrat offrielhom li jilliberahom jekk jikkonvertu għall-Islam.
Il-Mexxejja Kristjani qed jappellaw lill-Gvern biex iwaqqaf din il-prassi li qed tagħmel għajb lill-ġudikatura u lill-pajjiż. L-Avukat Nadeem Anthony li hu Kattoliku qal li din il-proposta biex taqleb għall-Islam saret ukoll lil Asia Bibi, mara Kattolika, li ilha miżmuma l-ħabs għal dawn l-aħħar seba’ snin fuq akkuża li dagħat fil-pubbliku.