Filmat: Imġiegħel jilbes tabella ‘jiena idjota’ talli għajjar pulizija

Fi Cleveland, l-Istati Uniti, raġel li ċempel fuq in-numru tal-emerġenza u għajjar lill-pulizija, qed ikollu jitlob maħfra pubblika.

Dan billi joqgħod quddiem għassa tal-pulizija b’tabella imdendla m’għonqu li tgħid li hu idjota.

L-imħallef ordna lil Richard Dameron ta’ 58 sena biex għal din il-ġimgħa kollha joqgħod barra l-għassa għal tliet sigħat kuljum, bit-tabella li titlob skuża: ‘Kont idjota u din mhux ser terġa’ tiġri.’

Din mhix l-ewwel darba f’din il-belt, li persuna kellha titlob maħfra pubblika.

L-istess imħallef li ta s-sentenza lil Dameron, xi jiem ilu kkundanna mara biex tilbes tabella ta’ ‘idjota’ fil-pubbliku talli saqet fuq bankina biex tevita xarabank tal-iskola.