Imfittex għal €7.4m fi frodi jingħata l-ħelsien mill-arrest għall-Milied

L-eksavukat Malti li kien ġie estradit mill-Ingilterra lura lejn Malta f’Ġunju li għadda biex jgħaddi ġuri f’Malta se jinħeles mill-arrest nhar it-Tnejn li ġej, fil-Milied.
Patrick Spiteri kien inġieb lura Malta biex jaffaċċja l-Qorti akkużi ta’ frodi, użu ħażin ta’ fondi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti li jammontaw għal €7.4 miljun.
Fiż-żmien li nġieb Malta mill-Pulizija Spiteri kellu 7 mandati t’arrest Ewropew.
Tul dawn ix-xhur li deher quddiem il-Qorti, l-avukat ta’ Spiteri qajjem il-kwistjoni ta’ saħħet l-akkużat, li jbati mill-Behchet’s Syndrome, marda rari tal-ġilda.
Barra minn hekk kien poġġa wkoll l-argument li l-mandati t’arrest Ewropej jaslu biss sal-arrest, u ma jfissrux li l-persuna trid tinżamm detenuta.
Jingħad li l-marda ta’ Spiteri kienet iggravatlu fil-ħabs minħabba t-tipjip u l-iffullar tan-nies.
Barra minn hekk Spiteri baqa’ jitlob li jingħata aċċess għal dokumenti bankarji li jinsabu f’daru, u li skontu jeħtieġhom biex jiddefendi lilu nnifsu. Hemm minn tal-inqas 4,000 paġna li Spiteri semma.
Sadanittant, illum il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli ddeċidiet li teħilsu mill-kustodja tagħha, iżda jrid jiffirma kuljum fl-Għassa ta’ San Ġiljan, u jkun id-dar fit-8pm u ma joħroġx minn hemm sat-8am.
B’kollox 4 maġistrati dehru għal każijiet diversi li Spiteri qed jaffaċċja, u aktar kmieni l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit approvat il-pleġġ lill-akkużat, liema pleġġ l-Avukat Ġenerali appella biex ma jingħatalux, iżda ingħatalu xorta wara li l-Maġistrat Antonio Mizzi ma laqax l-appell. Warajhom il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera approvat il-pleġġ, kif ukoll l-Imħallef Edwina Grima u l-Maġistrat Josette Demicoli.
Spiteri jrid iħallas €15,000, u €25,000 f’garanzija personali.
Biex jiġi evitat li l-akkużat jaħrab mill-pajjiż, il-karta tal-identità u l-passaport itteħdulu, u biex jagħmel hekk ikollu jitlob permess mill-Qorti.