Imfassla l-ewwel strateġiji kulturali reġjonali

Ritratt: Clodagħ O'Neill / DOI

​​Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera nieda l-ewwel Strateġiji Kulturali Regjonali. L-għan tal-Istrateġiji Kulturali huwa li l-kultura tiġi meqjusa li għandha rwol ċentrali fil-bini ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom u koeżivi, filwaqt li tkun katalist għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn l-istess komunitajiet.

“Il-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja lill-Kunsill Reġjonali”, sostna l-Ministru José  Herrera. Huwa kompla jispjega li l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija hija kruċjali għax jemmen bis-sħiħ li l-kultura hija element essenzjali għall-ġid tal-komunitajiet tagħna.

Il-Ministru Herrera qal li din hija waħda mill-azzjonijiet bi prinċipji, inizjattivi u miżuri li b’mod kollettiv verament ikunu qiegħdin ibiddlu u jtejjbu l-kwalita ta’ ħajja tan-nies imħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa.

Is-Sa Mary Ann Cauchi, Direttur Fondi u Strateġija, spjegat li l-Kunsill Malti għall-Arti se jħabbrek biex jappoġġja lis-setturi kulturali u kreattivi fuq livell lokali u reġjonali filwaqt jiffaċilita forom ta, skambju komunitarju permezz ta’ programmi ta’ finanzjament, inizjattivi strateġiċi u anke riżorsi umani ffukati u b’għarfien f’dan il-qasam.

Dawn l-Istrateġiji Kulturali se jservu bħala għodda għall-iżvilupp u l-investiment f’oqsma strateġiċi ta’ intraprenditorija, riċerka, internazzjonalizzazzjoni u edukazzjoni fil-komunitajiet lokali u reġjonali. Aparti minn hekk, it-temi tad-diġitalizzazzjoni, il-well-being u l-kuxjenza ambjentali relattivament se jingħataw iktar importanza.

L-organizzazzjonijiet pubbliċi kulturali li jaqgħu taħt il-mandat tal-Kunsill Malti għall-Arti huma msieħba ewlenin fl-involviment mal-komunitajiet varji permezz tal-programmazzjoni u l-kollaborazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet kulturali privati u s-soċjetà ċivili.

Il-konferenza stampa ġiet indirizzata mill-Assoċjata Dott. Simone Inguanez mill-Kunsill Malti għall-Arti u mid-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali Natalino Attard.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.