Imfakkra t-300 sena tal-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja

Kull min xi darba żar is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, żgur li għajnejh marru fuq il-kwadru titulari mpitter minn Alessio Erardi fl-1715.
Attribwit għal bosta snin lil missier Alessio, Stefano Erardi, kien biss 40 sena ilu minn riċerka tal-istoriku Karmenu Bonavia li kien skopra li din il-pittura kienet tpittret minn Alessio Erardi u li kienet dokumentata bil-miktub u miżmuma fil-Kurja.
64 sena wara l-aħħar darba li tniżżel minn postu u fl-okkażjoni tat-300 sena li ilu jżejjen is-Santwarju, il-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja llejla jerġa jsib ruħu fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar.
Fis-7pm jsir pellegrinaġġ devot bis-sehem taż-żewġ soċjetajiet mużikali tal-lokal.
Fl-ewwel parti tal-pellegrinaġġ se jkun qed jiġi reċitat ir-Rużarju filwaqt li ż-żewġ baned jingħaqdu iżjed ‘il quddiem biex jakkumpanjaw il-kwadru lura lejn is-Santwarju. Mal-wasla lura fuq iz-zuntier, issir ċelebrazzjoni Marjana.
L-aħħar darba li dan il-kwadru ħareġ mis-Santwarju, kien fl-1951 meta saret l-inkurunazzjoni mill-Arcisqof Gonzi. 50 sena wara, jiġifieri 14-il sena ilu l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien qiegħed stellarju tad-deheb fl-okkażjoni tal-50 sena mill-Inkurunazzjoni.