Imfakkra l-missjunarji fiċ-Ċina

Ritratti tal-missjunarji li evanġelizzaw fiċ-Ċina

Il-Knisja fiċ-Ċina għandha d-drawwa li tagħmel ċelebrazzjoni biex tirringrazzja u tfakkar lil dawk il-missjunarji li telqu minn art twelidhom u ddedikaw ħajjithom għall-missjoni fiċ-Ċina, fejn xi drabi anke xerrdu demmhom.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, din iċ-ċelebrazzjoni ssir lejn tmiem ix-xahar ta’ Novembru, xahar dedikat għat-tifkira tal-mejtin. Iċ-ċelebrazzjoni sservi bħala opportunità biex jiġġedded l-ispirtu missjunarju fil-poplu t’Alla u b’sinjal ta’ gratitudni lejn dawk li nibbtu ż-żerriegħa tal-Evanġelju fiċ-Ċina.

Din is-sena saret ċelebrazzjoni kommoventi ħafna fil-komunità ta’ Er Shi Si Qing Di, fil-Mongolia.  Kienet ċelebrata quddiesa fiċ-ċimiterju Kattolika ta’ dan il-villaġġ fejn in-nies inġabru quddiem il-qabar ta’ Mons Alphonse Bermyn li kien Vigarju Apostoliku fil-Monglia bejn l-1901 u l-1915 u quddiem l-oqbra ta’ missjunarju Belġjani u Olandiżi.

Barra minn dan, fl-24 ta’ Ġunju li għadda, festa ta’ San Ġwann Battista din l-istess komunità ċċelebrat l-Ewkaristija quddiem oqbra ta’ missjunarji oħra li waslu fiċ-Ċina qabel dawk Belġjani u Olandiżi.

Aktar minn 500 nisrani, flimkien ma’ għadd ta’ qassisin u sorijiet attendew għall-quddiesa li kienet ċelebrata mill-Isqof ta’ Hohhot, Mons. Paul Meng Qing Lu li fl-omelija tiegħu ħeġġeġ lill-insara biex ma jinsew qatt lill-missjunarji li taw ħajjithom għalihom u jitolbuhom jinterċedu għalihom quddiem il-Mulej.

Wirt għall-fidi

Il-komunità ta’ Shi Si Qing Di hi art fertili għall-fidi nisranija. Dan il-post kien is-sit tal-Vigarjat Apostoliku tal-Grigal tal-Mongolia fejn kien hemm il-Katidral, parraċċi, seminarji, orfanatrofju, kindergarten, skola primarja, dar tal-kura u ċentru ta’ taħriġ għall-missjunarji.

Sal-lum dan il-post għadu destinazzjoni għal numru ta’ pellegrinaġġi. Skont Fr. Liu Jian Lin, il-kappillan tal-post “tliet snin ilu bdejna nidentifikaw l-oqbra tal-missjunarji. Il-kultura Ċiniża u Kristjana għallmuna biex ma ninsew qatt il-passat u lill-antenati tagħna. Għalina dan hu wkoll mod kif insaħħu l-fidi u nġeddu l-ispirtu missjunarju.

“Barra minn dan hu mportanti li nżommu ħajja l-memorja tal-ewwel insara u nżommu l-istorja tagħhom bħala wiert prezzjuż għall-fidi tagħna. Kien f’dan l-eżerċiju ta’ identifikazzjoni li sibna l-oqrba ta’ Mons Bermyn u tal-missjunarji Belġjani u Olandiżi li llum qed nonoraw u nirringrazzjaw”, temm jgħid il-kappillan.