Imfakkra l-ikbar traġedja li laqtet Tas-Sliema

X’ġarrbu missierijitna fit-Tieni Gwerra Dinjija? X’ġara eżatt fl-attakk li sar fl-għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema fl-1942?

Dan kollu flimkien mal-viżjoni li qassis Belti kellu għal Tas-Sliema huwa ċ-ċentru ta’ produzzjoni ġdida imtella’ miż-żagħżagħ f’Tas-Sliema.

Wara s-suċċess li l-grupp tal-abbatini u sħabhom kellhom fid-dramm tal-Ġimgha l-Kbira ħassew li għandhom jerġgħu jingħaqdu biex itellgħu drama oħra. Din id-darba se jagħtu l-ħajja lil xi wħud mill-ġrajjiet li għaddiet minnhom il-parroċċa ta’ Tas-Sliema fl-anniversarju mill-100 sena mit-twaqqif tagħha.

Uħud mit-temi lil dan id-dramm se jindirizza jwieġbu l-mistoqsijiet bħal x’kienu r-raġunijiet li l-Kurja Maltija riedet tibni knisja oħra ġewwa Tas-Sliema u li s-Sliemiżi wrew tant ħeġġa li din il-knisja tiġi pproklamata parroċċa? Għaliex kellhom ix -xewqa li anki din il-parroċċa ġdida tkun iddedikata lil Marija Santissima taħt it-titlu tas-Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù?

Dan id-dramm oriġinali se jiffoka ħafna fuq kif il-poplu Malti għex iż-żminijiet koroh tat-Tieni Gwerra Dinjija u rnexxielu jibqa’ poplu devot.

Id-dramm se jittella’ nhar is-Sibr fid-7.30pm fil-Knisja tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema fuq kitba tal-istoriku Tonu Terribile u d-direzzjoni ta’ Robert Pulis. Għal aktar dettalji wieħed jista’ jidħol hawnhekk.