Imfakkra d-Duluri f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex

Matul il-jum tal-Ġimgħa Marija Addolorata jew kif inhi magħrufa bħala d-Duluri. Il-qofol intlaħaq filgħaxija meta f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex sar il-pellegrinaġġ penitenzjali bl-istatwa tad-Duluri. Kienu diversi n-nies li mxew mat-toroq tar-raħal tagħhom b’devozzjoni u anke billi talbu t-talba tar-rużarju.

Fost il-pellegrinaġġi li saru, l-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna mexxew il-pellegrinaġġ bl-istatwa tad-Duluri fil-Belt Valletta.

Intant, waqt quddiesa fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex, is-“skiet ta’ Alla” kien fil-qalba tal-meditazzjoni li għamel l-Isqof Mario Grech.

L-Isqof beda biex fakkar fl-esperjenza sabiħa tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida li nżamm f’Ruma f’Ottubru li għadda, u li għalih hu kien preżenti. Hu qal li dan is-Sinodu reġa’ enfasizza l-importanza li ta l-Konċilju Vatikan II lill-Kelma ta’ Alla. Imma żied li fis-soċjetà tagħna din il-Kelma qed tiġi msikkta b’ħafna modi. Anki meta jgħaddi mill-uġigħ tal-ħajja – bħal f’każi ta’ separazzjonijiet u mwiet ta’ persuni għeżież – il-bniedem jistaqsi fejn hu Alla. “Dan hu d-dulur tas-skiet ta’ Alla”, li kultant donnu jimmuta fid-dinja tagħna, żied jgħid l-Isqof.

“Għandna nqawwu qalbna, għax din kienet ukoll l-esperjenza ta’ mistiċi kbar ta’ żmienna, bħalma kienu Santa Tereża ta’ Lisieux, Patri Piju tal-Pjagi u Madre Teresa ta’ Calcutta. Il-Verġni Marija nfisha, Omm il-Mulej, għaddiet minn din it-tbatija spiritwali li kkawżatilha ħafna duluri f’ħajjitha. Imma b’differenza minn kif nagħmlu aħna, hi ma ddispratx, imma ttamat f’Alla. F’dawk is-sigħat mudlama li firdu l-Mewt mill-Qawmien, hi baqgħet l-uniku musbieħ fid-dinja li xegħel bid-dawl tal-fidi”, kompla Mons Grech.

L-Isqof Mario Grech temm l-omelija tiegħu billi stieden lill-Insara preżenti biex, bl-għajnuna ta’ Marija Addolorata, Kewkba ta’ l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, jimpenjaw ruħhom li jerġgħu jagħtu lura lill-Kelma ta’ Alla spazju fis-soċjetà tagħna.

Ritratti: Photocity, Valletta u Mario Pavia, Għawdex

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.