​Imfakkra l-125 sena mill-wasla tal-istatwa Stella Maris b’Oratorio

Il-Parroċċa Matriċi ta’ Stella Maris ta’ Tas-Sliema flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Stella Maris, se jfakkru l-125 sena mill-wasla tal-vara titulari bl-Oratorio “Marija Kewkba tal-Baħar”.
L-istatwa kienet waslet f’Tas-Sliema minn Pariġi fl-1891.
L-Oratorio hu xogħol il-Professur Oliver Friggieri, b’mużika tal-Mro. Michael Pulis.
Fis-serata, li se ssir fis-6 ta’ Mejju fil-knisja parrokkjali ta’ Stella Maris, mingħajr ħlas, il-kompożitur se jidderieġi lill-Filarmonika Stella Maris, lis-solisti Karen Camilleri, Joseph Aquilina u Alfred Camilleri u lill-kor “Coro Bel Canto” taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Hermann Farrugia Frantz.
Matul l-istess serata se jindaqqu wkoll xogħlijiet ta’ Ferdinando u Giuseppe Camilleri, fosthom L-Innu “A Maria Vergine Stella del Mare” u l-Antifona “Stella Maris Es”.
Iktar informazzjoni tinkiseb mill-paġna fuq Facebook “Stella Maris Band Club”.