Imfakkar is-67 anniversarju mill-akbar traġedja fil-fliegu

Illum ġie mfakkar is-67 anniversarju mill-akbar traġedja li ġrat fil-fliegu, meta 24 persuna tilfu ħajjithom huma u jaqsmu minn Malta għal Għawdex.
It-traġedja kienet seħħet fit-30 ta’ Ottubru tal-1948 meta luzzu mgħobbi bil-passiġġieri, fosthom żewġ pulizija u mara, flimkien ma’ żewġ membri tal-ekwipaġġ, telqu lejn Għawdex mill-Marfa f’baħar qawwi.
Il-luzzu kien temm it-traġitt tiegħu viċin il-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u kienu biss erba’ passiġġieri li rnexxielhom isalvaw.
Dalgħodu saret ċerimonja li bdiet b’quddiesa abbord il-vapur ta’ Għawdex MV Gaudos.
Wara saret ċerimonja qasira fuq l-istiva tal-vapur, waqt li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, mistiedna u familjari tal-vittmi, tefgħu fjuri fil-baħar bħala sinjal ta’ tifkira u rispett.
Din nit-tifkira ssir kull sena bi programm koordinat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Ritratti: MGOZ – George Scerri