Imfakkar il-Jum Nazzjonali tal-Libreriji

Il-Jum Nazzjonali tal-Libreriji din is-sena kien imfakkar fil-Librerija tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina attendiet għal sessjoni ta’ Story Telling mat-tfal.

Is-slogan magħżul mill-Kunsill Malti għal-Libreriji, biex titfakkar din il-ġurnata li saret għall-ewwel darba f’pajjiżna hu “Jog Your Mind”, Inħaddmu Moħħna, u dan hu x’jgħinu nagħmlu l-ktieb li nistgħu niksbu mil-libreriji tagħna.

Il-Ministru qalet li ż-żminijiet tal-lum ma għadhomx jitolbu li l-libereriji pubbliċi jibqgħu sempliċement depożiti ta’ kotba mnejn il-pubbliku jista’ jmur jissellef xi ktieb. Hija saħqet li l-libreriji jridu jsiru ċentri ħajja fil-komunitajiet fejn in-nies jinġabru biex jipparteċipaw f’attivitajiet diversi fosthom attivitajiet marbuta mal-kotba u mal-qari, iżda mhux biss.

Il-libreriji pubbliċi barra jisilfu l-kotba għandhom joffru servizzi oħra lill-pubbliku li jkunu varjati u jilħqu l-ħtiġijiet edukattivi, informattivi, kulturali u rikreattivi tas-soċjetà.

Il-Gvern fil-Baġit ta’ din is-sena żied il-flus allokati b’€257,000 filwaqt li n-nefqa għal xiri ta’ kotba ġodda hi ta’ €100,000.