Imfakkar il-ħames anniversarju mill-qtil tal-21 martri tal-ISIS

Omm ta’ żewġ żgħażagħ maqtula f’dak il-massakru, Samuel ta’ 22 u Beshoy ta’ 24 sena.

Is-Santwarju tal-21 nisrani li spiċċaw b’rashom maqtugħa mill-ISIS fuq xatt fil-Libja fi Frar 2015, fil-15 ta’ dan ix-xahar fetħet esibizzjoni li tfakkar lil dawn l-irġiel fil-ħames anniversarju mill-qtil tagħhom. 20 minn dawn il-persuni kienu nsara Ortodossi Kopti u l-ieħor kien nisrani mill-Għana.  Il-Knisja Ortodossa ddikjarat Martri lil dawn il-21 persuna.

L-esibizzjoni tiddokument l-istorja ta’ dawn l-irġiel minn meta nħatfu sakemm il-katavri tagħhom kienu ritornati fil-provinċja ta’ Minya, fl-Eġittu, fejn jinsab is-santwarju dedikat lilhom.

Min iżur l-esibizzjoni jista’ jara l-ilbies oranġjo li l-irġiel kienu mlibbsa meta ħanxrulhom rashom, l-għodod li ntużaw biex inqabdu, ramel imċappas bid-demm tagħhom u t-twiebet li kienu saru apposta biex fihom tpoġġew il-fdalijiet tagħhom.

F’intervista mal-organiżazzjoni Pontifiċja Aid to Church in Need, omm ta’ ħewġt aħwa maqtula f’dan il-massakru qalet li “jien omm ta’ żewġ martri u kburija bihom. Mill-ġenna huma jinterċedu għalija u għal missierhom. Qed nitlob lil Alla biex jagħti d-dawl u jiftaħ għajnejn il-membri tal-ISIS għall-verità u dak li hu sewwa”.

Qabel ħareġ il-video tal-ISIS “li juri l-qtil ta’ ħuti u l-kollegi tagħhom, il-familja tagħna u l-Knisja fil-villaġġ tagħna għamila 45 ġurnata nitolbu għalihom malli nħatfu”. Hekk qal Basheer, ħu iż-żewġt aħwa vittmi. “Alla tkellem permezz tal-għajta tagħhom ‘O Jesus’, li tinstema’ fil-video.

Kburin bil-martri tagħna

“Qabel mietu l-martri tagħna kienu qed jitolbu; kien ovvju li qed isejjħu lil Alla. Dan jagħmilna aktar kburin. Dawk il-21 raġel kienu fortunati li mietu martri għal Kristu u l-komunità tagħna hi kburija bihom u kburin li l-katavri tagħhom qegħdin nieħdu ħsiebhom fil-komunità tagħna”, żied jgħid Basheer.

“Ommi u missieri straħu meta kienu assigurati li ħuti baqgħu fidili lejn il-fidi f’Ġesù Kristu. Ħuti tawna l-kuraġġ meta qed niffaċċjaw il-persekuzzjoni, aħna ma nibżgħu u mhux se ninkwetaw aktar”.

“Il-Knisja Kopta għandha storja twila ta’ martirji u fl-istorja tagħha għaddiet minn ħafna persekuzzjonijiet,” qal Fr. Abu Fanus Unan, li jservi fis-santwarju li jinsab qrib il-knisja ġdida li għadha kif inbniet. “Aħna kburin bid-demm ta’ dawn il-martri li rrifjutaw li jbiegħu l-fidi nisranija tagħhom”.

Il-Kopti jonoraw diversi martri li mietu fis-sekli li għaddew. ùIżda dawn il-martri kontemporanji ħallew impatt kbir għax ma ċaħdux lil Ġesù Kristu. “L-eżempju tagħhom isaħħaħ il-fidi tagħna”, qal Fr Unan.

Is-Santwarju issa qed iħejji biex jippubblika ktieb li jiddokumenta il-mirakli li huma attribwiti għall-interċessjoni ta’ dawn il-martri. “Fil-villaġġ hemm numru ta’ mirakli attribwiti lilhom. Mara li kellha kanċer fieqet wara li talbet fis-santwarju dedikat lilhom, qal Fr. Abu Fanus. Sostna li ħafna nies tgħammdu u saru nsara fuq l-eżempju ta’ dawn il-21 martri.