Imfakkar il-Fundatur tal-KKM u l-MIDSEA BOOKS

Prezentazzjoni 'Mid-Dinja Ckejkna tieghi'

F’għeluq is-sena mill-mewt tas-Sur Pawlu Mizzi, Fundatur tal-KKM u l-Midsea Books li ġrat fil-5 ta’ Awwissu 2019, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Clint Camilleri inawgura Wirja ‘From the heart of Gozo to the soul of Maltese Literature’ fil-Mużew il-Ħaġar fi Pjazza San Gorġ Victoria li tinsab miftuħa għall-pubbliku.

Saret ukoll diskussjoni fl-istess bini dwar il-Legat ta’ dan l-Għawdxi li tant ħadem b’risq il-ktieb Malti bis-sehem tal-Ministru Evarist Bartolo, Dr Louis Galea eks Ministru tal-Edukazzjoni u Anton Tabone eks Ministru għal Għawdex li lkoll tkellmu dwar is-sehem kbir ta’ Pawlu Mizzi li wara xi żmien jgħix Għawdex, telaq lil art twelidu bil-familja lejn Malta fejn waqqaf il-Klabb Kotba Maltin kif ukoll il-kumpanija Midsea Books u kien strumentali biex għadd kbir ta’ kittieba u awturi setgħu jaraw xogħlijiethom stampati fi ktieb.

Matul ħajtu Pawlu Mizzi nsibuh jokkupa diversi karigi. Fost il-pubblikazzjonijiet li tana mhux ta’ min ma jsemmix il-Miklem Malti f’disa’ volumi ta’ Erin Serracino Inglot, id-Dizzjunarju Malti-Ingliż-Malti tal-Professur Gużè Aquilina, f’sitt volumi, l-Istorja ta’ Malta tal-Professur Andrew Vella, is-sensiela Heritage li kienet tinkludi ’l fuq minn mitt puntata u tant kotba sbieħ u ta’ livell fil-kategorija tal-Melitensia li fi kliem wieħed mill-kelliema waqt id-diskussjoni li kienet immexxija mill-istudjuż Sergio Grech jistgħu jingħataw bħala rigal f’kull okkażjoni. Eżatt f’għeluq is-sena mill-mewt tas-Sur Mizzi, il-Kan.

Dun Ġorġ Frendo qaddes għal ruħu fil-Bażilika ta’ San Ġorġ u wara fuq il-bejt tal-Mużew il-Ħaġar, saret il-Preżentazzjoni tal-ktieb ta’ Pawlu Mizzi, ‘Mid-Dinja ċkejkna tiegħi’, editjat minn Sergio Grech u mgħejjun minn Francesco Pio Attard, li matulha nqraw xi siltiet minn din il-pubblikazzjoni interessanti waqt li stajna nisimgħu wkoll xi ftit mużika Maltija li pprovdilna l-kantant Għawdxi Spiro Sillato.

Fetaħ is-serata is-Sur Joe Camilleri li analizza dan il-ktieb dwar għadd sabiħ ta’ karattri Għawdxin li għexu fi żmien Pawlu Mizzi, karattri ħelwin u kollha bl-istorja ħelwa tagħhom li ħafna Għawdxin ta’ mpari għadhom jiftakruhom sewwa.

Dawn il-kitbiet kienu dehru fuq ir-Rivista djoċesana ‘Il-Ħajja f’Għawdex’ iżda issa s-Sur Joseph Mizzi, li daħal għall-piż li ħalla missieru, ġabarhom f’pubblikazzjoni sabiħa li titkellem dwar numru sabiħ ta’ persunaġġi Għawdxin li jagħmlu parti mill-istorja soċjali Għawdxija. 

Kav Joe M Attard, Rabat – Għawdex