Imfakkar id-90 Anniversarju tal-Azzjoni Kattolika Maltija

L-Isqof Awżiljarju Mons Joe Galea Curmi jiċċelebra 'lQuddiesa ta' Radd il-Ħajr.

Nhar il-Ħadd 16 ta’ Frar mijiet ta’ persuni attendew u pparteċipaw fil-quddiesa li ġiet ċelebrata fil-Parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi, biex tfakkar id-90 anniversarju mill-ħidma tal-Azzjoni Kattolika f’Malta.

Kienet ċelebrazzjoni mill-isbaħ li fiha nġabru persuni minn kull faxxa tal-ħajja; tfal, żgħażagħ, adulti, familji bit-tfal, anzjani, persuni b’diżabilità, mexxejja ta’ għaqdiet oħra, reliġjużi u lajċi impenjati fil-Knisja.

Din il-quddiesa tmexxiet mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi flimkien ma’ diversi saċerdoti li ħadmu mal-Azzjoni Kattolika Maltija, fosthom Don Stefano, li-qassis responsabbli għaż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika Rumena, li bħalissa l-Azzjoni Kattolika Maltija qed taħdem ħafna magħha speċjalment fil-qasam taż-żgħażagħ.

Wara l-quddiesa kien organizzat riċeviment għall-membri tal-għaqda. Kien mument sabiħ u uniku fejn iż-żgħażagħ u l-adulti setgħu jissoċjalizzaw f’ambjent pożittiv u f’atmosfera ta’ festa.

Ġranet bħal dawn ifakkruna li l-Azzjoni Kattolika qegħda f’mixja fi ħdan il-Knisja u li bħal f’kull mixja, filwaqt li hu mportanti li tiftakar minn fejn tlaqt u minn fejn għaddejt, irridu nkomplu nħarsu ’l quddiem b’tama u bl-entużjażmu.

Kif semma’ l-Isqof Galea Curmi stess waqt l-Omelija tiegħu; L-Azzjoni Kattolika ffurmat nies li għamlu differenza fis-soċjetà Maltija tul is-snin. L-Azzjoni Kattolika trid tkompli tiżra’ t-tama u l-imħabba, ħalli dak li tiżra’, taħsad.