Imfakkar Anton F Attard – Kittieb, Poeta u Storiku

Fil-jiem li għaddew, il-Malta Libraries flimkien maċ-Circolo Gozitano fakkru lill-kittieb Għawdxi Anton F. Attard b’serata fis-Sede taċ-Circolo Gozitano Victoria li matulha kittieba Għawdxin qraw xi siltiet mill-kitba varjata li ħarġet mill-pinna ta’ dan il-kittieb prolifiku fuq medda ta’ nofs seklu.

Fetaħ is-Serata l-President taċ-Circolo l-Poeta l-Avukat Alfred Grech li tkellem fit-tul dwar il-ħidma letterarja ta’ dan il-Għawdxi li ħalla l-wirt letterarju tiegħu kollu li jikkonsisti f’mijiet kbar ta’ kotba lil-Librerija Pubblika t’Għawdex fejn kien jgħaddi ħinu jfittex u jaqra manuskritti u ġurnali.  Fost ix-xogħlijiet li nqraw matul din il-Lejla ta’ tifkira, kien hemm siltiet qosra Mill-Folklore ta’ Għawdex kif ukoll Ġabra ta’ Taqbil u Għana Folkloristiku. Inqraw ukoll il-poeżiji Il-Passjoni ta’ Gesu’, Il-Lunzjata, Santa Marija.

 Inqara wkoll ir-rakkont ta’ fejqan tal-għaġeb  minn Frenċ tal-Għarb mill-ktieb ta’ Attard, Mill-Ħajja tal-Imgħoddi, waqt li l-kantant Spiro Sillato fuq il-kitarra kanta San Gorġ Megalomatri u Santa Marija Assunta.

Is-serata għalqet b’messaġġ qasir minn Gorg Cassar, l-Uffiċjal inkarigat mil-Librerija Nazzjonali t’Għawdex li kien jaf mill-qrib lil Anton F. Attard li ta’ kuljum kien jarah quddiemu ma’ xi mejda tal-Liberija fi Triq Vajrinġa jagħmel xi reċerka inkella jaqra u jifli xi kitba qadima.  Huwa radd ħajr pubblikament lill-familja tal-kittieb (preżenti kien hemm wieħed minn ħutu li ilu msiefer madwar 50 sena) tal-għotja sabiħa ta’ kotba li għoġbu jħalli lil-Librerija u kif Għawdex tilef wieħed mill-kittieba ewlenin tal-Malti li ħabb lil lsienna bla ebda kundizzjoni.