Imfaħħra l-proċedura ta’ skola tal-Knisja biex jinġabar il-materjal tal-istudenti

Skola
Ritratt: Miguela Xuereb

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) faħħret il-proċedura li użat skola tal-Knisja sabiex il-ġenituri setgħu jmorru jiġbru l-materjal tal-istudenti mill-iskola, peress li mxiet mad-direttivi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, il-UPE qalet li intervistat ġenitur b’wild li jattendi l-iskola primarja tal-Knisja u kienet mistagħġba bil-proċedura sigura addottata mill-iskola. Skontha, l-iskejjel kollha għandhom jimxu ma’ proċedura simili ladarba l-iskejjel huma magħluqin għall-kumplament tas-sena skolastika.

Il-materjal tal-istudenti kien ġie sseparat minn qabel, u mmarkat b’isem l-istudent jew studenta, u mbagħad tpoġġa f’ordni alfabetika skont is-sena li l-istudenti jinsabu fiha. Il-materjal tqiegħed fuq mejda twila ġo sala, sabiex il-ġenituri ma jkollhomx għaliex iduru fil-klassijiet jew fil-kurituri.

Il-ġenituri ngħataw appuntamenti individwali sabiex ikun hemm massimu ta’ tliet persuni f’ħin wieħed. Xi ġenituri ftiehmu bejniethom sabiex ikun hemm persuna waħda li tiġbor ta’ għadd ta’ studenti u mbagħad tieħu ħsieb tqassamhomlhom.

L-amministrazzjoni tal-iskola rat li ma jkunx hemm ġemgħa ta’ nies, lanqas barra l-iskola. Irrakkomandaw ukoll li l-ġenituri jieħdu basket jew borża għall-affarijiet huma stess. L-iskola ma obbligatx lill-ġenituri jmorru biex jiġbru l-materjal ta’ wliedhom, imma min xtaq jagħmel dan seta’. Min le, seta’ jiġbor kollox fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss.

Il-ġenitur li tkellmet miegħu l-UPE faħħar din il-proċedura peress li ma involviet l-ebda riskju għall-ġenituri. Stqarr li bħala ġenitur apprezza l-isforz li għamlet l-iskola sabiex tiffaċilita l-edukazzjoni tat-tfal.

B’hekk il-UPE rrakkomandat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni anke jitkellem mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni fil-Knisja sabiex jara jistax jaddotta proċeduri simili għall-iskejjel tal-istat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn