Imfaħħra il-ħidma ta’ riunifikazzjoni tat-tfal immigranti mal-ġenituri tagħhom fl-Istati Uniti

Reuters

Imħallef fl-Istati Uniti qal li l-Gvern tal-pajjiż qed jagħmel progress sostanzjali sabiex jgħaqqad madwar 2,500 tifel u tifla immigranti li ġew separati minn mal-ġenituri tagħhom fil-fruntiera ta’ bejn l-Itati Uniti u l-Messiku bħala mezz sabiex il-pajjiż iwaqqaf l-immigrazzjoni illegali.

Il-Gvern fadallu sitt ijiem sabiex dawn ir-riunifikazzjonijiet iseħħu, ordni li ħarġet mill-Imħallef Dana Sabraw li talab lill-avukati tal-Gvern sabiex jidhru quddiem il-Qorti f’San Diego u jaġġornawh bix-xogħol li sar biex dawn il-familji jerġgħu jingħaqdu.

Wara s-smiegħ qasir, Sabraw sostna li jinsab impressjonat bix-xogħol li qed isir.

Fil-Qorti, l-avukati għall-US Immigration and Customs Enforcement irrapurtaw li sal-Ħamis tard filgħaxija, 364 tifel u tifla ta’ ħames snin jew aktar ġew riunifikati mal-familja tagħhom. Sal-lum dan in-numru tela’ għal 450.

Tfal ta’ etajiet anqas minn ħames snin ġew riunifikati il-ġimgħa l-oħra.

Il-ġenituri ġew intervistati sabiex il-Gvern jassigura ruħu li kapaċi jieħdu ħsieb lit-tfal. Filwaqt li 850 kienu elġibbli għar-riunifikazzjoni, 229 instab li ma kienux minħabba li kellhom rekord kriminali. Bosta ġenituri oħrajn għadhom qed jistennew ir-riżultat.