Imejls ta’ Hillary Clinton ittimbrati bħala top secret

Tnejn u għoxrin imejl li ntbgħatu mis-server privat ta’ Hillary Clinton meta kienet Segretarju tal-Istat, kienu jinkludu materjal sigriet tal-Gvern Amerikan.
Id-Dipartiment tal-Istat qal li l-messaġġi li kienu jinkludu dawn l-imejls huma top secret u għalhekk ma jistgħux jiġu ppublikati.
Fl-aħħar xhur Clinton li bħalissa hija waħda mill-kandidati għall-elezzjoni presidenzjali tal-2016, kienet ikkiritikata li użat kompjuter privat biex tibgħat imejls tax-xogħol meta kienet Segretarju tal-Istat.
Eluf minn dawn l-imejls kienu ppublikati mid-Dipartiment tal-Istat, iżda din kienet l-ewwel darba li l-messaġġi tagħha kienu ttimbrati bħala top secret.
Esperti qed jgħidu li dan jista’ jħalli effett negattiv fuq il-kampanja ta’ Clinton, tant li l-uffiċjali tagħha qed jisħqu li l-imejls għandhom ikunu ppublikati.
Id-Dipartiment tal-Istat qal li l-imejls mhux se jkunu ppublikati għax jistgħu jkunu ta’ dannu għas-sigurtà nazzjonali.
L-avversarji ta’ Clinton qed jakkużawha li poġġiet is-sigurtà tal-Istati Uniti f’riskju għax użat kompjuter privat b’sistema mhux sigura, biex tibgħat imejls ta’ importanza nazzjonali.