“Imdorri nerfa’ r-responsabbiltà u nieħu d-deċiżjonijiet” – il-PM

Dalgħodu fl-Imqabba, il-Prim Ministru Joseph Muscat sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex issa li ċ-CHOGM u l-Valletta Summit għaddew mingħajr problemi, jerfa’ r-responsabbiltà għad-diversi “aħbarijiet negattivi u ta’ biża’” li xxandru mill-midja Nazzjonalista.
“B’ferħ ngħid li dawn l-attivitajiet għaddew kollha b’wiċċ il-ġid u għamilna lil pajjiżna kburi mill-ġdid”, qal il-Prim Ministru b’ringrazzjament speċjali lill-Korp tal-Pulizija, il-membri tal-Armata u lil kull min ħadem fil-loġistika. 
Dr Joseph Muscat qal li hu “mdorri jerfa’ r-responsabbiltà u jieħu d-deċiżjonijiet” fosthom fuq is-sigurtà tal-pajjiż. 
Dwar is-sospensjoni tar-regolamenti ta’ Schengen, il-Prim Ministru qal li din kienet deċiżjoni għaqlija, l-aktar meta jisma’ bil-każi ta’ persuni li jinqabdu b’dokumenti foloz biex ifittxu xogħol, jitolbu għall-ażil jew inkella jkunu f’ċirku ta’ vetturi misruqa. 
Saħaq li “qatt ma stajna nindunaw bil-passaporti foloz għax meta tkun qiegħed fis-sistema ta’ Schengen ma tistax tikkontrolla min dieħel fil-pajjiż.” 
Hekk kid dalgħodu l-Partit Nazzjonalista ppubblika d-dokument dwar kif tinbena l-fiduċja fil-politika u fil-politiċi, il-Prim Ministru stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iwarrab id-dubji li għandu dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali u minn għada stess jaħdem id f’id mal-Gvern biex jemendew il-Kostituzzjoni Maltija.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ix-xogħol, b’mod speċjali dwar is-sitwazzjoni fid-De La Rue u assigura lill-ħaddiema li jistgħu jispiċċaw bla xogħol li mhux se jitħallew għal riħhom u ta’ kelmtu li lest jgħinhom biex isibu impjieg alternattiv.