Imbuttaha, daħal f’darha u kissrilha l-mowbajl

Raġel ta’ 34 sena mill-Pietà tressaq il-Qorti akkużat li mbotta lill-eks sieħba tiegħu, daħal id-dar ifittex xi dokumenti, kissrilha l-mowbajl u heddidha.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ġie arrestat minħabba riskju li jista’ jkun ta’ periklu, wara rapport li l-mara għamlet l-għassa. Dan fid-dawl tal-allegat aġir tal-akkużat meta mar iwassal lil wild tagħhom id-dar tal-eks sieħba. Il-Pulizija ppreżentat diversi ta’ dokumenti fosthom ir-rapport tar-risk assessment li sar mill-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ.

Id-difiża wieġbet li l-imputat mhux ħati u talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq diversi kundizzjonijiet li jipproteġu l-vittma minn xi vjolenza.  Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara, bl-akkużat ma jistax jersaq lejha u lanqas jidħol fir-residenza tagħha.