“Imbikkmin… qalulna li l-bidliet mhux se jaffettwawna, spiċċajna bla xogħol”

Eksimpjegat Malti tal-kumpanija tal-igaming Betsson, li tkeċċa ma’ 160 persuna oħra, b’ton imbikkem stqarr ma’ Newsbook.com.mt, li l-kumpanija qaltilhom li r-ristrutturar ma kienx ħa jaffettwalhom xogħolhom. 
Iżda lbieraħ,130 ħaddiem tal-kumpanija li huma bbażati f’Malta, tkeċċew permezz ta’ imejl. 46 minnhom huma Maltin. 
Wieħed minnhom qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħaddiema semgħu dwar it-tkeċċija tagħhom għall-ewwel darba mill-artiklu li ħarġet it-Times of Malta, ftit tal-minuti qabel intbagħtet l-imejl. Uħud minnhom kienu għadhom fi triqthom lejn ix-xogħol.
“Naħseb li keċċew ħafna iktar nies milli qalu mal-ġurnali”
L-eksimpjegat spjega kif wara li ġew infurmati, beda jara bosta ħaddiema jissejħu wieħed wieħed sabiex waqt laqgħa privata jgħidulhom li l-kumpanija m’għandhiex post għalihom. 
Spjega li kien hemm bosta nies li tkeċċew minħabba li kien għadhom fuq it-terminu ta’ prova, u għaldaqstant jemmen li l-għadd ta’ nies li tkeċċew huma iktar minn dak irrappurtat fil-midja. Fi kliemu, dan minħabba li jaħseb li ċ-ċifra ma tinkludix dawk li kienu għadhom bi probation
“Kont qed nistennieha; saru ħafna tibdiliet drastiċi”
L-eksimpjegat qal ma’ Newsbook.com.mt li kien qed jistenna li ħa jitkeċċew xi nies hekk kif saru wisq tibdiliet f’dawn l-aħħar ftit xhur. 
Qal li madwar xahar ilu, il-kumpanija waqfet timpjega n-nies, beda jsir ristrutturar intern u nbidel ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija. Apparti minn hekk, il-prezzijiet tal-ishma naqsu wkoll.
“Bosta kienu rrabjati”
“Uħud min-nies li tkeċċew kien ilhom snin twal jaħdmu mal-Betsson u għalhekk kienu rrabjati ferm,” kompla jgħid. 
Irrakkonta kif minkejja li għal xi snin kien ilu jevita l-industrija tal-igaming, iddeċieda li japplika sabiex jaħdem mal-Betsson minħabba l-istabbiltà u r-reputazzjoni għolja tal-kumpanija. Imma issa qed jgħid li diffiċli tibqa’ tafda fiha.