Imbassar li l-imwiet fl-Istati Uniti jirduppjaw wara tnaqqis fir-restrizzjonijiet

REUTERS/Steve Nesius

Read in English.

Mudell rivedut ta’ mwiet minħabba l-coronavirus jipprevedi li madwar 135,000 persuna Amerikana se jmutu b’konsegwenza tal-COVID-19 sal-bidu ta’ Awwissu, id-doppju tal-previżjonijiet preċedenti, hekk kif qed jintreħew il-miżuri ta’ distanza soċjali biex titwaqqaf il-pandemija, skont l-opinjoni ta’ riċerkaturi li nħarġet nhar it-Tnejn.

Dan it-tbassir inkwetanti mill-Istitut għall-Metrika u l-Evalwazzjoni tas-Saħħa (IHME) tal-Università ta’ Washington jirrifletti “żieda fl-ivjaġġar f’bosta stati tal-Istati Uniti” wara l-11 ta’ Mejju meta f’31 stat mistennija li jerġgħu jibdew jiftħu n-negozji u jitnaqqsu r-restrizzjonijiet fuq il-ħruġ mid-dar, skont l-Istitut.

“Issa qed nistennew li l-epidemija f’bosta stati se testendi matul ix-xhur tas-sajf,” qal f’dikjarazzjoni d-direttur tal-IHME, Dr. Christopher Murray. 

Dan it-tbassir saħħaħ twissijiet minn esperti fil-kura tas-saħħa li qalu li talbiet insistenti biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ u l-attivitajiet soċjali – b’tama li dan itaffi xi ftit id-dannu fuq l-ekonomija – kienu se jirriżultaw f’żieda sinifikanti fuq l-għadd ta’ mwiet.

Huwa magħruf li s’issa n-novel coronavirus diġà infetta lil madwar 1.2 miljun persuna fl-Istati Uniti, fosthom 68,762 li tilfu ħajjithom minħabba l-COVID-19, il-marda respiratorja kkawżata minn dan il-virus, skont l-għadd uffiċjali ta’ Reuters. 

Il-mudell ta’ tbassir tal-istitut, li jiġi rivedut b’mod perjodiku biex jikkunsidra l-bidliet fiċ-ċirkostanzi u s-sejbiet xjentifiċi relatati mal-pandemija, sar punt ta’ referenza importanti, li spiss jissemma’ minn uffiċjali fil-White House u awtoritajiet tas-saħħa pubblika meta jkunu qed jevalwaw il-kriżi.

It-tbassir tal-IHME jiġi ppreżentat bħala varjetà statistika ta’ riżultati potenzjali. L-aħħar tbassir jipprevedi li l-għadd kumulattiv ta’ mewt fl-istati Uniti minħabba l-COVID-19 jista’ jvarja bejn 95,092 u jitla’ sa 242,890 sal-4 ta’ Awwissu – b’medja probabbli ta’ 134,475 mewta.

Min-naħa l-oħra, reviżjoni preċedenti li ngħatat fid-29 ta’ April ipprevediet medja ta’ 72,400 mewta, b’varjazzjoni ta’ bejn 59,300 u 114,200 fatalità.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn