Ilu 80 ġurnata jistenna lil sidu fl-istess post fejn mietet

Kelb leali ilu għal dawn l-aħħar 80 ġurnata jistenna lil sidu tiġi għalih fi triq traffikuża. Sfortunatamanet sidu mhix se tmur għalih għax mietet fl-istess post f’Awwissu.

Il-kelb seraq il-qlub ta’ eluf minn madwar id-dinja wara li filmat tiegħu, li juri l-kelb jistenna lil sidu fi triq traffikuża f’Inner Mongolia fiċ-Ċina, xtered fuq il-midja soċjali u f’inqas minn ħamest ijiem rawh aktar minn 1.4 miljun persuna.

Nies li jgħix fil-viċinanzi qalu li l-kelb ilu jmur u joqgħod fl-istess post kuljum fit-triq traffikuża mill-21 ta’ Awwissu, dakinhar li mietet sidu f’inċident tat-traffiku. Xufier ta’ taxi qal li diversi persuni pruvaw jieħdu ħsieb il-kelb u jagħtuh x’jiekol u x’jixrob, madanakollu dan dejjem jaħarbilhom u jerġa’ jmur fl-istess triq jistenna.

Diversi persuni li raw il-filmat tħassru l-kelb u stqarrew kif missilhom qalbhom hekk kif dan il-kelb juri kemm ir-relazzjoni bejn kelb u sidu hi tassew intima u juri kemm il-klieb huma leali u fidili lejn dawk li jħobbuhom. Oħrajn tħassruh hekk kif jafu li minħabba l-inċident traġiku sidu mhix se terġa’ tmur għalih.

Ħafna stqarrew kif jinsabu nkwetati għal saħħet dan il-kelb hekk kif triq traffikuża mhix post fejn annimal għandu jgħix. Madanakollu jidher li kull darba li xi ħadd jipprova jieħu ħsiebu il-kelb dejjem jisgiċċa u jerġa’ jmur għassa fl-istess triq jistenna lil sidu.

https://www.youtube.com/watch?v=3brcV0NoJ3M