“Iltqajt ma’ Mons. Azzopardi fil-5 sena tal-primarja” – Fr Martin

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qal li l-ewwel darba li ltqa’a ma’ Mons. Mikiel Azzopardi kien meta kien fil-ħames sena tal-iskola primarja f’Ħal Luqa, “u l-għalliema, li għadha ħajja sal-lum, Ms Debono, kienet ġabet lil Dun Mikiel fil-klassi tagħna u kien qagħad ikellimna fuq dan il-proġett li kien għadu fl-ewwel 10 snin tiegħu”.

Waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Mons. Mikiel Azzopardi, hekk kif ilbieraħ tfakkar it-33 anniversarju mill-mewt tal-fundatur tad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin qal li r-rakkont ta’ Dun Mikiel fil-klassi kien impressjonah, ta’ tifel li kien, u l-aktar li impressjonatu kien kemm kien jirrikjedi flus biex imexxi din id-dar. “Qatt ma għaddhieli minn rasi dakinhar, li kelli nkun it-tielet suċċessur tieghu.”

Drittijiet għall-persuni b’diżabilità

Fr Martin qal li minbarra din l-opra kbira, Dun Mikiel jibqa’ mfakkar għaliex bis-saħħa tiegħu u bis-saħħa ta’ nies oħra, fosthom ġenituri ta’ persuni  b’diżabilità, kien strumentali  biex il-persuni b’diżabilità llum għandhom id-drittijiet tagħhom, sħaħ, garantiti bil-liġi, u  bil-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda.

“Illum il-persuni b’diżabilità f’Malta huma meqjusa persuni ndaqs. Dak iż-żmien, u meta kont l-iskola jien u meta Dun Mikiel beda dan il-proġett, persuni b’diżabilità lanqas kont issibhom fl-iskola, kienu jmorru f’xi skola għalihom, li konna nsejħulha skola speċjali dak iż-żmien. Ħafna oħrajn kienu jibqgħu d-dar, u lanqas kont tarahom il-knisja, jew f’postijiet pubbliċi, qisu dawn kienu xi nies tat-tieni klassi.”

Huwa kompla li 33 sena ilu, eżatt kif miet, twaqqfet il-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità li tat spinta kbira u grazzi għaliha l-persuni b’diżabilità jgawdu d-drittijiet kollha, li huma garantiti għalihom anki bil-liġi. Fr Martin stqarr li l-persuni b’diżabilità issa jħossuhom verament ċittadini ndaqs bħal ħaddiehor kif jixirqilhom.

Xmara ta’ karità

Fr Martin spjega li fattur strumentali għall-ħidma tad-Dar tal-Providenza, kienet il-providenza espressa fi xmara ta’ karità minn nies indirizzata lejn dan il-post u forsi għalhekk ħafna Maltin jiffamiljarizzaw ma’ dan il-post u jħossuha darhom.

“Oriġinarjament, Dun Mikiel ried jixtri dar lesta, tant li kien beda jfittex xi mkien il-Furjana, Ħal Lija u anki Savoy tas-Sliema, imma ovvjament ma kellux flus. Litteralment dan il-bniedem beda mix-xejn. Beda b’dik il-Lm100 li kienet tagħtu semmiegħa tar-Rediffusion li semgħet l-appell tiegħu. Hu kien jgħid illum għandi Lm100, meta l-quddiem ikolli xi ħaġa aktar inkompli l-proġett, u nasal sa fejn nasal. Iżda dik il-Lm100 li kienet taghtu dik il-mara, tant kienet providenzjali illi sar qisu dak il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż”, kompla jgħid Fr Martin. Il-flus baqgħu ġejjin. Fi żmien sentejn Mons. Mikiel Azzopardi fetaħ l-ewwel dar, ftit snin wara fl-1974, fetaħ it-tieni dar, Villa Papa Giovanni, imbagħad qabel miet, 33 sena ilu, kien lesta it- tielet dar, Villa Papa Luciani, li ma laħaqx inawguraha hu. Din id-dar ġiet inawgurata minn Mons. Gatt, id-direttur ta’ warajh, f’Settembru tal-istess sena.

X’servizzi toffri d-Dar tal-Providenza?

L-għan tad-Dar hu li tipprovdi servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tagħtihom is-saħħa li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbaħ lill-familja u li jkabbar l-abbiltajiet tagħhom biex b’hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.

Illum id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni, Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar fil-komunità, ’Żerniq’ fis-Siġġiewi, ’Akkwarell’ fil-Qawra, ’Dar Pirotta’ f’Birkirkara u ’Shalom’ fiż-Żurrieq. Huwa ttamat li aktar tard din is-sena, dejjem skont kif se tkompli tiżvolġi l-pandemija tal-Covid-19 f’Malta, tiġi inawgurata l-ħames dar fil-Balluta. Fr Martin jgħid li Dun Mikiel kien litteralment jiddependi mill-providenza u aħna li sibna ħafna affarijiet lesti, neħduhom for granted. “Iżda Dun Mikiel ħafna drabi lanqas kien ikollu biex iħallas il-pagi, u kien jgħid lis-sorijiet “ejjew immorru fil-kappella”, kien jiftaħ it-tabernaklu, u kien jgħid lil Ġesù “Oj, dan hu proġett tiegħek – ħu ħsiebna” u fi ftit ħin wara kien jirċievi il-flus eżatt li jkollu bżonn. Dan il-miraklu ma seħħx biss fi żmien Dun Mikiel imma baqa’ jseħħ fi żmien Mons. Gatt u jseħħ ukoll fi żmieni”.

Bħalissa bħal ħafna entitajiet oħra, minħabba dan iż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu, id-Dar tal-Providenza naqqset l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi drastikament. Kuljum, wara l-quddiesa, qed issir nofsiegħa adorazzjoni, fejn isir talb biex “il-Mulej jipprovdilna”.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar