Filmat: “Iltqajna ma’ tarbija mormija fiż-żibel” – Angie Laus

Il-preżentatriċi Angie Laus għadha kif qattgħet bosta jiem fil-Malawi biex twassal filmati marbuta mal-maratona tal-Missio Malta li se ssir f’Marzu li ġej.

Fl-ewwel kummenti tagħha ma’ newsbook.com.mt qasmet l-esperjenza tagħha ta’ dawn l-aħħar ġranet fejn tkellmet dwar x’sabu ma’ wiċċhom hi, PJ Vassallo u t-tim tagħhom fil-jiem li għamlu hemmhekk.

Stejjer li kważi ma jitwemmnux iżda li fil-fatt huma reali ħafna.

“Iltqajna ma’ tarbija ta’ tlett ġimgħat li kienet mormija fiż-żibel u li issa tinsab f’orfanatrofju,” irrakkontat hi waqt li tkellmet ukoll dwar mara partikolari li kull m’għandha bżonn hija mediċina minħabba li għandha kundizzjoni li malli toħroġ fix-xemx, il-ġilda tagħha tinħaraq.

Fost ħafna stejjer oħra, Laus iddeskriviet ukoll l-istorja ta’ tifel ta’ 14-il sena li ma jimxix. Bilfors irid jitkaxkar. Għandu bżonn siġġu tar-roti sabiex ħajtu tinbidel għall-aħjar.

Dawn huma biss ftit mill-ħafna stejjer li se tkun qed twassal Angie Laus fiż-żmien li ġej.

Il-maratona fadlilha sa’ Marzu, iżda sadattant qegħdin jintlaqgħu id-donazzjonijiet. Laus temfasizza kif aħna għandna d-dmir li ngħinuhom.

Min jixtieq jagħmel donazzjoni għandu jidħol fis-sit missio.org.mt

L-għajnuna ta’ kulħadd hija apprezzata.