Iltaqa’ mal-NGOs li jsalvaw l-immigranti fil-baħar

Ian Noel Pace

Moviment Graffiti se jkun qed jagħti ċ-ċans lil kull min jixtieq, biex jitkellem ma’ NGOs li jaħdmu fuq il-baħar sabiex isalvaw ħajjet bosta immigranti.

Fi stqarrija, il-Moviment spjega li fl-aħħar xhur kienu bosta dawk li kkummentaw dwar l-immigranti li qed jaħarbu mil-Libja biex jiġu fl-Ewropa. Semma wkoll in-numru ta’ battibekki bejn l-Italja u Malta u l-kriżi Ewropea sabiex tinstab soluzzjoni għall-immigrazzjoni.

Sostna li fost id-diskussjonijiet, daħlu fiċ-ċentru tal-attenzjoni l-NGOs li jsalvaw lill-immigranti mid-dgħajjes li jkunu qed jgħerqu. Bosta bastimenti tal-istess NGOs bħalissa jinsabu Malta u mhux jitħallew joħorġu mill-awtoritajiet Maltin.

Għaldaqstant, Moviment Graffiti qed jistieden lill-pubbliku sabiex jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lil Tamino Böhn minn Sea Watch u Neeske Beckmann minn Lifeline waqt li dawn se jiddiskutu x-xogħol tagħhom fl-10 ta’ Awwissu fis-6:30pm fiċ-Ċentru għall-Voluntiera l-Belt Valletta.

Id-diskussjoni se titmexxa minn Michael Grech, lettur tal-filosofija fl-Junior College.