“Ilqgħu lill-Papa bi ħlewwa liema bħalha bħalma l-Maltin laqgħu lil Pawlu”

L-ittra pastorali tal-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u l-Amministratur Appostoliku t’Għawdex Mario Grech ħeġġew lill-poplu Malti u Għawdxi biex jilqa’ lill-Papa Franġisku “bi ħlewwa liema bħalha” la dan iżur il-Gżejjer Maltin, bħalma hemm miktub fil-Bibbja li l-Maltin laqgħu lil San Pawl meta ġie Malta.

F’ittra pastorali li se tinqara waqt il-quddies illejla u għada, l-Isqfijiet tkellmu fuq l-importanza taż-żjara li se jagħmel il-Papa f’Malta fil-31 ta’ Mejju li ġej, li jaħbat l-Għid il-Ħamsin.

It-tema magħżula għal din iż-żjara hija propju “ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” mill-Atti tal-Appostli. L-Isqfijiet stqarrew li, “Iż-żjara tas-suċċessur ta’ Pietru fil-gżira ta’ Pawlu għandha tgħinna biex dak li l-Kelma ta’ Alla tgħid fuqna l-Maltin ikompli jkun ta’ ispirazzjoni kontinwa f’ħajjitna.”

L-Isqfijiet semmew kif il-Papa nnifsu riċentament irrefera għal dan il-kliem dwar il-Maltin, u ddeskriviehom bħala akkoljenti u bravi. Il-Papa kien semma kif il-Maltin laqgħu lin-nies barranin li kienu ma’ Pawlu bi ħlewwa billi qabbdulhom in-nar biex jisħnu, offrewlhom il-kenn mix-xita u l-ikel x’jieklu. Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet, kienu qegħdin juruhom l-imħabba t’Alla.

Dan il-kliem tal-Papa jmur id f’id max-xewqa tiegħu li jiltaqa’ mal-immigranti waqt iż-żjara tiegħu, kif jagħmel f’pajjiżi oħra fil-Mediterran. Fl-ittra pastorali, l-Isqfijiet qalu li la jkun fostna, lill-Papa rridu nuruh “li għalina li nemmnu f’Ġesù kull ħajja umana hija prezzjuża u rridu nħaddnuha bi mħabba u tenerezza,” mit-tnissil sal-mewt naturali tagħha.

Huma temmew l-ittra billi rreferew għal din iż-żjara bħala waħda ta’ grazzja kbira għall-Maltin u l-Għawdxin. Stiednu lill-Maltin u l-Għawdxin biex iħejju ruħhom għal din iż-żjara permezz tat-talb, partikolarment it-talb lill-Ispirtu s-Santu.

Tista’ taqra l-ittra pastorali sħiħa hawn.