“Ilqgħu lil Marija f’darkom fi żmien ir-Randan” – l-Isqfijiet

Curia

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ħeġġew lill-Kattoliċi biex jilqgħu lil Marija f’darhom fi żmien ir-Randan, għaliex fejn hemm Marija, hemm Ġesù, u għalhekk, issaltan il-paċi u jseħħu l-mirakli.

Dan qaluh l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi f’ittra pastorali għall-okkażjoni tar-Randan. Fl-istess ittra pastorali hemm tfakkira tal-400 anniversarju tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu li minnu fl-1883 il-Madonna kellmet lil Karmni Grima u Franġisk Portelli.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jiddiskutu sitwazzjonijiet differenti li jsibu ruħhom jaffaċċjaw il-familji fid-djar, sitwazzjonijiet ta’ niket li jvarjaw minn kriżijiet bejn il-koppji għal inkwiet bl-ulied. Huma qalu li tkun xi tkun is-sitwazzjoni, il-bnedmin għandhom jilqgħu lil Ġesù f’darhom biex jgħinhom, u mezz kif jagħmlu dan huwa billi l-ewwel jilqgħu lil Marija.

Djar bl-hena u bin-niket

L-Isqfijiet indirizzaw kemm hawn djar differenti: xi djar ikunu mimlija bil-hena filwaqt li oħrajn jostru t-tbatija li jgħaddu minnha ċerti familji. Huma ħeġġew lil dawn il-familji tal-aħħar biex jibqgħu għaddejjin, u dan jistgħu jagħmluh billi jistiednu lil Ġesù jidħol f’darhom għax il-preżenza tiegħu tagħmel il-mirakli. Insistew li Ġesù jmur għand kulħadd, anke għand min jiċħdu.

Għal dawk li jsibuha bi tqila biex jilqgħu lil Ġesù għandhom, l-Isqfijiet tawhom il-parir biex bħall-għarajjes ta’ Kana, jieħdu għandhom lil Marija għax din twassal għal Ġesù. Marija mbagħad tagħti l-parir, “Agħmlu kulma jgħidilkom hu,” bħalma qalet lill-għarajjes.

Xi jtellef is-serenità

L-Isqfijiet qalu li hemm diversi sitwazzjonijiet li jwasslu għat-telf tas-serenità fid-djar, pereżempju meta l-aħwa jiksruha ma’ xulxin, meta ġenitur isib ruħu bla xogħol, meta xi ħadd fil-familja jiċċappas bid-droga, meta tixxellef il-fedeltà fiż-żwieġ, meta l-futur tal-familja jiċċajpar, jew meta jibdew jitmermru l-prattiċi reliġjużi u jċedu s-sisien tal-fidi.

Huma qalu li s-serenità fid-djar tittiefes ukoll jekk fis-soċjetà jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ tħassib, bħalma huwa t-tnaqqir tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu nett tagħha fil-ġuf, il-faqar, il-qerda tal-ambjent u l-korruzzjoni.

Għall-fidili ma jistax jonqos li dawk l-affarijiet negattivi fil-Knisja, bħalma huma l-għeluq, ir-reżistenzi għat-tiġdid indikat mill-Papa Franġisku, u l-eżempji ħżiena, ikollhom eku fid-djar tagħna.

Marija b’diffikultajiet bħal tagħna

L-Isqfijiet elenkaw lista ta’ sitwazzjonijiet li l-ġrajjiet minn ħajjet Marija jgħinuha tidentifika ruħha magħhom, pereżempju ma’ koppji li ma jsibux qbil bejniethom, bħad-drabi meta hi u Ġużeppi ma qablux fuq it-trobbija ta’ Ġesù, jew ma’ ommijiet li wliedhom ikunu mgħajra.

Huma sostnew li Marija, li baqgħet wieqfa ħdejn is-salib meta sallbu lil binha, hija qrib il-familji msallbin. L-Isqfijiet qalu li hija tifhem l-agħar fost il-weġgħat li jħossu l-bnedmin u għaldaqstant, għandha tintlaqa’ f’dar in-nies sabiex twitti t-triq għal Ġesù, fi djarhom u f’qalbhom.

400 sena anniversarju tal-kwadru Ta’ Pinu

Din is-sena hija l-400 sena minn meta l-Madonna qalet lil Karmni biex tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġisimha dam fil-qabar qabel ma ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. L-Isqfijiet spjegaw li fil-ġrajja tas-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu hemm rabta bejn l-Għid ta’ Kristu u l-Għid ta’ Marija.

Aqra l-ittra pastorali sħiħa fuq Newsbook.com.mt.

Aqra l-ittra pastorali bil-lingwa Maltija għas-sinjali.