“Ilqgħu lil Ġesù bil-qalb tal-Islaten Maġi u mhux b’dik ta’ Erodi” – Scicluna

Il-Knisja Kattolika se tkun qed tiċċelebra l-Għid Imqaddes fl-4 t’April

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-Maltin u l-Għawdxin biex jilqgħu lil Mulej bil-qalb safja tal-Islaten Maġi u mhux bil-qalb ta’ Erodi.

Waqt l-konċelebrazzjoni tal-festa tal-Epifanija, Mons. Scicluna spjega kif “l-Evanġelu tal-lum jgħid li s-slaten ta’ Tarsis u n-nies tal-gżejjer ġabu tagħhom riġali u laqgħu lil Ġesù Bambin b’qalb safja.”

Illum tħabbar li l-Knisja Kattolika se tkun qed tiċċelebra l-Għid Imqaddes fl-4 t’April, waqt li r-Randan se jibda fis- 17 ta’ Frar waqt li l-ewwel Ħadd tal-Avvent se jaħbat nhar il-Ħadd, 28 ta’ Novembru.

F’din l-okkazjoni, Mons. Scicluna aċċetta uffiċjalment tliet kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali Gylan Camilleri, Ian Diacono u Clive Seychell kif ukoll żewġ seminaristi letturi Sean Abela u Jean-Claude Attard.

Huwa appella lis-seminaristi li issa li saru qaddejja tal-Ewkaristija biex jilqgħu lil Alla bil-ferħ tas-Slaten Maġi kif ukoll lis-seminaristi letturi biex iħarsu lejn il-kelma t’Alla b’qalb safja.

Mons. Scicluna ta pariri lis-seminaristi biex iħaddnu l-madmad ħelu tal-ubidjenza.

“Hekk kif il-Maġi obdew is-sinjal tal-kewba u tħallew jitmexxew mill-kewba, hekk intom ħallu l-ubidjenza tkun il-kewba li tmexxikom u tagħtikom ferħ kbir,” stqarr Scicluna.