“Ilna snin bid-drenaġġ fit-triq f’Marsalforn”; Il-Kunsill jgħid li ma ngħatax widen

Il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ f’Għawdex qal li ilu jirrapporta u jilmenta dwar il-problema ta’ ilma li jnixxi fi Triq il-Qbajjar f’Marsalforn, iżda ma ngħatax widen.

Resident f’Marsalforn ilmenta dwar dan ma’ Newsbook.com.mt. Qal li la l-Kunsill Lokali u lanqas il-Ministeru ta’ Għawdex mhu jagħtu widen lir-residenti fuq din il-kwistjoni.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ spjega li ilu jirrapporta din il-problema lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għal snin, iżda s’issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva.

Il-Kunsill issokta jgħid li laqqa’ uffiċjali mill-Korporazzjoni u mid-Direttorat diversi drabi, ittieħdu kampjuni ta’ dan l-ilma għat-testijiet ħafna drabi, u s-Sindku ltaqa’ mal-uffiċjali, mal-perit tal-Kunsill, u mar-residenti. Madankollu, “baqa’ ma nbidel xejn.”

Apparti hekk, il-Kunsill bagħat ukoll ittra bl-avukat lil diversi dipartimenti, fosthom lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Ministeru għal Għawdex, lil Transport Malta u ġew notifikati wkoll l-Ombudsman u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt lill-Ministeru għal Għawdex baqgħu ma twiġbux.

Il-problema diskussa fil-Parlament

Intant, is-suġġett tqajjem ukoll fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Kevin Cutajar. Huwa staqsa lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri meta se tissolva b’mod permanenti din il-problema ta’ drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li ilu preżenti f’din it-triq għal żmien twil.

Il-Ministru wieġeb li l-awtoritajiet qegħdin jagħmlu t-testijiet biex jiġi identifikat is-sors.

Id-Deputat Cutajar staqsa wkoll lill-Ministru José Herrera dwar x’għamel il-Kunsill Lokali fuq din il-problema. Huwa tah l-istess tagħrif provdut mill-Kunsill, iżda żied jgħid li l-Kunsill infurmah li l-materja fuq id-drenaġġ ma taqax fil-kompetenza tiegħu.

Cutajar staqsa wkoll meta l-Kunsill se jnaddaf din it-triq mill-ħmieġ li jkun fiha, bħal żrar u trabijiet “li jirriżultaw minn patching mhux adekwat.” Dwar dan, Herrera wieġeb li l-ħsara li qed issir lill-wiċċ tat-triq hi konsegwenza tal-problema tal-ilma, u b’hekk, din mistennija tiġi solvuta wara li tissolva l-problema tad-drenaġġ.