“Ilment mal-Kummissarju mhux biżżejjed biex il-Pulizija tinvestiga”

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Demokratiku Timothy Alden sostna li ilment mal-Kummissarju jidher li mhux biżżejjed sabiex il-Pulizija tiftaħ investigazzjoni, minkejja li l-allegazzjonijiet ikunu serji.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt il-Pulizija qalet li ma rċeviet l-ebda ilment mingħand Alden. Madanakollu huwa qal li f’ittra indirizzata lill-Kummissarju tal-Pulizija, infurmah li xi persuni mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ċemplulu d-dar biex jaraw għandux bżonn xi pjaċiri.
Ma’ Newsbook.com.mt, Alden aktar tard ikkonferma li l-ittra diġà ntbagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija. Iżda kelliema għall-Pulizija qalet li l-Pulizija ma rċeviet l-ebda ilment u li mhix f’pożizzjoni li twieġeb għall-ebda domanda ta’ Newsbook.com.mt sakemm l-ilment li jiġi ppreżentat minn Alden ikun eżaminat sew.
Illejla Alden spjega kif l-unika raġuni għalfejn għadu ma għaddiex rapport formali lill-Pulizija hija minħabba li bħalissa mhux qiegħed Malta, madanakollu fakkar li skont il-Prim Imħallef, investigazzjonijiet mil-Pulizija għandhom jibdew mal-inqas dettall li jasal għandhom, f’kull forma u mhux biss jekk jidħol rapport.
Alden sostna li dan il-pass qed jieħdu mhux għax irid iħammeġ jew jagħmel ħsara lill-persuni li qed jagħmlu dawn it-telefonati, hekk kif sostna li dawn qed isegwu d-direzzjoni ta’ min hu fuqhom. Iżda, kompla jgħid li jrid jiġbed l-attenzjoni dwar dawn il-prattiċi ta’ klijenteliżmu.
Fl-ittra, Alden kien spjega kif il-Ministru Dr Michael Farrugia, ġie elett fil-Gvern mit-12-il Distrett, u għaldaqstant qal li dan it-tip ta’ atteġġjament hemm bżonn li jiġi investigat bħala att kriminali u ta’ korruzzjoni, hekk kif jgħid li issa s-servizzi tal-Gvern jidher li qed isiru abbażi ta’ klijenteliżmu.
Fl-istqarrija tal-lum, għamel talba wkoll lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni fejn saħaq li dawn il-prattiċi ta’ klijenteliżmu qed iżidu aktar il-korruzzjoni fit-tmexxija tal-Gżejjer Maltin, fejn allega wkoll li xi persuni nfurmawh li rċevew telefonati minn Kastilja sabiex jagħtu benefiċċji soċjali lil persuni li ma jkollhomx bżonnhom filwaqt li jeħduhom minn ħalq persuni oħra fil-bżonn.